Lokali

Ira Losco mhux se tilbes il-libsa bil-proġettazzjonijiet tad-dawl

Il-kantanta Ira Losco mhux se tkun qed tilbes il-libsa bil-proġetazzjonijiet, li fl-aħħar jiem serqet l-attenzjoni ta’ ħafna. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet ftit tal-ħin ilu fi Stokkolma.

Il-kantanta Maltija bħalissa tinsab fi Stokkolma biex tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta ‘Walk on Water’. Hi kienet akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv tal-PBS Anton Attard

“It-Tlieta li għadda kellna l-ewwel prova u llum it-tieni prova. Il-provi għalekk qegħdin hemm, biex isiru tibdiliet għall-aħjar,” spjega Anton Attard meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti.

Intant, Ira Losco qalet li se tkun iffukata u tipprova tikkontrolla l-eċitament. “Irrid nieħu gost fuq il-palk kif ħadt gost l-aħħar darba li pparteċipajt,” żiedet il-kantanta Maltija.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, Ira Losco qalet li temmen fil-pakkett kollu li Malta qed tippreżenta din is-sena.

Żiedet li l-ikbar premju li tista’ tirċievi huwa li taf li wara l-esperjenza tal-Eurovision, se tkompli tagħmel il-mużika u lin-nies kuntenti bil-mużika li tipproduċi

Illum il-kantanta Maltija kellha t-tieni prova tal-kanzunetta. Nhar it-Tnejn isir id-‘dress rehearsal’. Malta se tkun qed tipparteċipa fl-ewwel semi-finali ta’ nhar it-Tlieta.

Ara l-konferenza tal-aħbarijiet kollha hawn taħt: