Internazzjonali

Irażżnu theddida minn ‘grupp tal-ISIS’ fi Spanja

Il-Pulizija Spanjola arrestat seba’ persuni suspettati dwar rabtiet mal-ISIS u gruppi oħrajn ta’ militanti li qed imexxu jihad – jew gwerra qaddisa.

L-arresti saru wara rejds fl-ibliet Spanjoli ta’ Valencia u Alicante, kif ukoll fiz-zona (Spanjola) ta’ Ceuta, fir-reġjun tal-Afrika ta’ Fuq.

Il-Pulizija tissuspetta li l-arrestati kienu qed jipprovdu appoġġ loġistiku għal azzjonijiet terroristiċi fl-Iraq u s-Sirja. Il-qawwiet tas-sigurtà qalu li l-allegat kap tal-militanti kien anki ġie mitlub mill-ISIS ‘biex jipprovdi n-nisa għall-ġellieda tal-grupp li jinsabu fl-Iraq u s-Sirja’.

Erbgħa fost l-arrestati huma ċittadini Spanjoli ta’ oriġini Sirjana, Ġordaniża u Marokkina. Żewġ arrestati oħra kienu identifikati bħala ċittadini tal-Marokk u s-Sirja, rispettivament. L-awtoritajiet ma pprovdewx dettalji dwar is-seba’ suspettat.