Lokali

Irridu l-ġid jasal fil-bwiet tal-ħaddiema kollha – Simon Busuttil

Il-ġid li qed jinħoloq għandu jitqassam b’mod ġust, għax il-ġid li qed jinħoloq mhux qed jiġi rifless f’pagi aħjar.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt li kien qed jindirizza il-Konferenza Nazzjonali Bijennali tal-General Workers’ Union. Konferenza li matulha spikka id-diskors tas-Segretarju Ġenerali ġdid tal-GWU Josef Bugeja u l-aħħar diskors ta’ Tony Zarb bħala Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Simon Busuttil qal li la l-ekonomija sejra tajjeb, wieħed jistenna li r-rata li biha jiżdiedu l-pagi tirranka u l-pagi jiżdiedu sew.

Qal li minn meta nbidel il-Gvern – b’ekonomija b’saħħitha b’kollox – ir-rata li biha żdiedet il-paga medja naqqas fir-ritmu – żdiedet bi ftit aktar minn €200 fis-sena. Imma fil-ħames snin ta’ qabel – meta konna fil-maltemp ekonomiku – ir-rata li biha żdiedet il-paga medja kienet tiżdied b’medja ta’ aktar minn €500 fis-sena.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-indirizz tiegħu ġab numru ta’ eżempji li jixhdu kemm il-ġid li qed jinħoloq mhux qed jitqassam b’mod ġust, u allura jeħtieġ li tinstab il-formola ta’ kif jitqassam il-ġid li tkun soċjalment ġusta.

Kien hawnekk li Simon Busuttil staqsa x’jista’ jsir biex il-ġid jitqassam b’mod aħjar u fost l-oħrajn semma l-proposti fil-pre-budget document tal-Oppożizzjoni.

Simon Busuttil temm jgħid li hu lest għal koperazzjoni sħiħa mal-GWU u ma’ Unions oħrajn biex dawn l-isfidi jkunu jistgħu jiġu diskussi u megħluba flimkien.