Internazzjonali

It-traġedja tal-MH17 – L-ajruplan ntlaqat minn missila prodotta fir-Russja

Siltiet minn rapport finali dwar it-tiġrif tal-ajruplan Malasjan li seħħ fl-Ukrajna matul is-sajf tal-2014, sostnew li l-ajruplan kien intlaqat minn tip ta’ missila prodotta fir-Russja.

It-Titjira MH17 tal-Malaysia Airlines kienet qed tivvjaġġa mill-Olanda għal Kuala Lumpur, fil-Malasja, meta l-ajruplan iġġarraf fil-Lvant tal-Ukrajna qrib il-fruntiera mar-Russja. Il-każ seħħ fis-17 ta’ Lulju tal-2014 u fl-inċident tilfu ħajjithom 298 persuna, b’196 tal-vittmi jkunu Olandiżi.

It-tagħrif dwar il-missila tat-tip BUK ħareġ waqt li l-qraba ta’ wħud mill-vittmi tal-ajruplan kienu qed ikunu infurmati dwar il-kontenut tar-rapport finali li ħejja l-Bord tas-Sigurtà Olandiż fil-qasam tal-avvjazzjoni. Madankollu, ir-rapport ma jwaħħalx speċifikament f’xi individwi, gruppi jew pajjiżi b’konnessjoni mat-traġedja. Dan minkejja li l-ajruplan tal-Malaysia Airlines iġġarraf waqt l-eqqel tal-konflitt bejn it-truppi tal-Gvern Ukren u s-separatisti fiż-żoni tal-Ukrajna li qed jappoġġjaw lir-Russja.

Il-Punent u l-Ukrajna qalu li kienu r-ribelli separatisti fl-artijiet Ukreni li waqqgħu l-ajruplan Malasjan tat-tip Boeing 777, iżda r-Russja insistiet li kienet sparata missila lejn l-ajruplan inkwistjoni mit-territorji li huma kkontrollati mill-Gvern tal-Ukrajna.