Ekonomija Lokali Parlament

It-traħħis tal-fuel minn Jannar hu “l-aħjar deal” – Muscat

It-traħħis minimu tal-petrol u d-diesel bi 3 ċenteżmi u 4 ċenteżmi minn Jannar li ġej hu “l-aħjar deal” li dan il-Gvern qed jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal dan f’Konferenza tal-Aħbarijiet quddiem Kastilja wara li ntemm id-diskors tal-budget.

Joseph Muscat kien qed iwieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti, li staqsew għalfejn il-Gvern għolla s-sisa fuq il-petrol u d-diesel, biex effettivament, il-petrol u d-diesel xorta waħda huma 4 ċenteżmi għola mill-prezz internazzjonali taż-żejt.

Mistoqsi jekk jaħsibx li hu ġust li l-petrol u d-diesel ma traħħsux b’mod li jirriflettu l-prezzijiet internazzjonali u għal liema raġuni se jkunu qed jitraħħsu minn Jannar li ġej, Joseph Muscat qal li dan hu “l-aħjar deal” li qed jagħti l-Gvern lill-poplu.

Ftit jiem ilu fil-Parlament, Muscat kien issuġġerixxa li jekk jitraħsu l-petrol u d-diesel, ikun hemm żieda fit-traffiku. Waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet reġa’ rrepeta li t-teorija ekonomika tgħid li jkun hemm użu akbar ta’ karozzi jekk ikun hemm traħħis fil-petrol u d-diesel.

Waqt il-Konferenza Muscat qal ukoll li l-petrol u d-diesel mhux se jorħsu aktar għar-raġuni li l-Gvern irid jassigura l-istabbilta’.