L-awtoritajiet fl-Istat Messikan ta’ Morelos qegħdin jaqilgħu għexieren ta’ katavri minn qabar tal-massa li nstab, f’Novembru li għadda, fil-belt ta’ Tetelcingo.
Jaħsbu li l-qabar – li jikkonsisti minn żewġ ħofor fondi – fih almenu 120 katavru. Il-Prosekuturi jgħidu li xi persuni, x’aktarx li uffiċjali ta’ kamra mortwarja, setgħu ddisponew minn dawn il-katavri b’mod illegali, iżda, bħalissa, qed issir investigazzjoni speċifika dwar min jista’ jkun responsabbli.
L-inħawi ta’ Morelos huma l-agħar affettwati mill-mewġa ta’ vjolenza relatata mat-traffikar tad-droga u li saret l-akbar pjaga tal-Messiku. In-Nazzjonijiet Uniti tikkalkula li almenu 20,000 persuna għebu madwar il-Messiku b’kaġun tal-vjolenza, b’organizzazzjonijiet oħrajn jemmnu li n-numru jista’ jkun bil-wisq akbar.
Il-proċess fejn il-katavri qegħdin jittellgħu mill-qabar ta’ Tetelcingo mistenni jdum il-ġranet. Bħalissa, il-qraba ta’ persuni rrappurtati nieqsa, flimkien ma’ rappreżentanti tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet Umani, qegħdin jassistu għall-proċess fl-inħawi, li qed titmexxa minn skwadra ta’ investigaturi.
Il-proċess jesiġi biex il-kampjuni ġenetiċi jittieħdu minn kull grupp ta’ fdalijiet waqt li l-awtoritajiet jippruvaw jidentifikaw il-vittmi qabel dawn jindifnu mill-ġdid f’oqbra mhumiex immarkati. Sadanittant, esperti mal-Università Awtonoma tal-Istat ta’ Morelos (UAEM) ukoll qegħdin jgħinu bil-provi tad-DNA.
//= $special ?>