Knisja Lokali

Ittra Pastorali tar-Randan bit-tema ‘Kristu Mediċina Għal Mard Tagħna’

“Nhar l-Erbgħa li għaddew tajna bidu għar-Randan bħala tħejjija għall-Għid il-Kbir. Is-sagrament tal-qrar huwa rigal li Ġesù tana dakinhar stess li qam mill-mewt. Fil-fatt, nhar l-Għid filgħaxija, Ġesù ġie f’nofs l-appostli u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu: dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura”. F’dan il-Ġublew tal-Ħniena nitolbu lil Alla bl-interċessjoni tal-Madonna, Saħħa tal-Morda, biex it-taħriġ qaddis ta’ matul dan ir-Randan inħalluh jidlek biż-żejt u jinfaxxa l-ġrieħi tagħna, biex ma’ Kristu Rxoxt inkunu “ħolqien ġdid””.

Huwa dan il-qofol tal-Ittra Pastorali għar-Randan mill-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof t’Għawdex Mario Grech. Tkellmu ukoll dwar is-sagrament tal-qrar u saħqu li “permezz ta’ dan is-sagrament, il-bniedem iduq il-benna tal-ħniena ta’ Kristu, hu jibda jintebaħ bil-kruha tad-dnub u jibda jħoss l-indiema u jikkonverti”.

Fl-ittra pastorali l-Isqfijiet appellaw sabiex jekk hawn xi ħadd fostna li hu marid ngħinuh jersaq lejn il-preżenza ta’ Kristu. “Ma nistgħux inwarrbu lil min hu marid għax Alla jaf iżurna f’persuna dgħajfa. Is-sitwazzjonijiet ta’ miżerja huma għal Alla okkażjoni ta’ ħniena” tkompli tgħid l-ittra pastorali tal-Isqfijiet.

Fl-ittra l-Isqfijiet tkellmu wkoll dwar il-miġja ta’ San Pawl f’Malta u qalu li fit-tliet xhur li kien fostna San Pawl fejjaq lil missier San Publiju. “Il-miġja ta’ Missierna San Pawl fostna tfakkarna wkoll fl-impenn li għandna biex inkomplu nieħdu ħsieb il-Knisja li hu waqqaf” tkompli tgħid l-ittra pastorali. L-istess ittra titkellem ukoll dwar il-missjoni tas-saċerdot fejn jingħad li “l-missjoni tas-saċerdot: mhux li jikkundanna jew jiskomunika, imma li jpoġġi jdejh fuq il-marid u jitlob fuqu l-ħniena ta’ Alla li tfejjaq”.