Lokali

Iweġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku

Ritratt: Arkivji

Raġel ta’ nazzjonalità Sudana weġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku li seħħ ilbieraħ fi Triq l-Avjazzjoni f’Ħal Luqa.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.50 ta’ waranofsinhar. Ir-raġel kien f’karozza tat-tip Maruti li kienet wieqfa meta Land Rover baqa’ dieħel fil-karozza.

Il-Land Rover kien qed jinstaq minn raġel ta’ 41 sena minn Ħal Qormi li min-naħa tiegħu ma sofra l-ebda ġrieħi.

Is-Sudaniż min-naħa l-oħra għandu 39 sena u joqgħod iż-Żurrieq. Hu ttieħed l-iSptar Mater Dei fejn hemmek ġie ċċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi gravi iżda fortunatament mhux fil-periklu tal-mewt.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.