Edukazzjoni Lokali Xjenza u Teknoloġija

Ix-Xjenza hi divertiment u għal kulħadd – George Pullicino waqt żjara fis-Science Expo 2015

Science is fun. Science is for everyone“. Dan kien l-appell li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Obbligatorja George Pullicino wassal lill-istudenti li qed jipparteċipaw fis-Science Expo 2015 organizzata mill-NSTF.

Waqt li dar id-diversi stands imtella’ mill-istudenti ta’ Skejjel differenti fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST), George Pullicino ħeġġeġ lill-istudenti jkomplu bl-istudji tagħhom fil-qasam tax-Xjenza għax dan ikun mhux biss ta’ ġid għalihom, iżda wkoll għall-iżvilupp ta’ pajjiżna. Qal li pajjiżna jeħtieġ ikollu aktar gradwati u nies imħarrġa xjentifikament u teknikament.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li biex inkomplu nwasslu l-messaġġ li x-Xjenza hi divertiment u għal kulħadd, hemm bżonn li f’pajjiżna mhux biss ikollna okkażjonjiet bħal dawn, iżda wkoll li jkollna Ċentru interattiv permanenti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Dan jgħin biex it-tfal, iż-żgħażagħ u l-poplu kollu japprezza aktar is-sabiħ tax-Xjenza u dak kollu li jdawwarna.

George Pullicino kif Gvern Nazzjonalista kien ħa l-inizjattiva biex jinbeda x-xogħol fuq Ċentru bħal dan, li kien ippjanat f’Bighi. Dan iċ-Ċentru għandu joffri esibiti li jqajjmu interess biex wieħed jifhem ukoll il-prinċipji bażiċi tax-Xjenza, filwaqt li tonqos il-biża’ li għad għandna fis-soċjetà għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Hu rringrazzja lill-NSTF li b’mod volontarju ilha s-snin tieħu inizjattivi ta’ tagħrif dwar ix-Xjenza b’risq l-istudenti tagħna.