Lokali

Iż-żagħżugħ li weġġa’ gravi waqt it-taħriġ joħroġ mill-ITU

Il-goalkeeper Albaniż ta’ 18-il sena Ervin G. Kurti, li weġġa’ f’inċident sfortunat waqt it-taħriġ ma’ Gudja United, kompla jaqleb għall-aħjar tant li nħareġ mit-Taqsima għall-Kura Intensiva.
L-operazzjoni li saritlu qed titqies bħala suċċess u l-kundizzjoni tiegħu hi stabbli.

Iktar kmieni: Fortunatament, iż-żagħżugħ li weġġa’ gravi waqt logħba futbol qed jirrispondi tajjeb għall-kura li kien qed jingħata u fl-aħħar ħin ġie f’sensieh u tkellem ma’ uffiċjal tal-klabb.

Dan tħabbar fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Replay. Fis-sigħat li għaddew, Ervin G. Kurti ta’ 18-il sena kien fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn plejer ieħor waqt taħriġ fil-grawnd tal-futbol tal-Gudja. Fortunatament, il-kundizzjoni taż-żagħżugħ qalbet għall-aħjar.

Ervin hu ta’ nazzjonalità Albaniża u jilgħab għal Gudja United FC. L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-7.15 ta’ filgħaxija meta f’azzjoni ta’ logħob, intlaqat f’rasu bl-irkoppa ta’ plejer ieħor.

Peress li kien jidher li ġarrab xi ġrieħi, issejħet ambulanza li ħadet liż-żagħżugħ l-isptar Mater Dei. Issa, minkejja li għadu miżmum fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei, jidher li qed jirrispondi tajjeb għall-kura li qed jingħata u issa l-kundizzjoni tiegħu qalbet għal waħda stabbli.

Intant, dwar dan il-każ qed issir inkjesta Maġisterjali.

ervin 3

ervin 2