Internazzjonali

Jakkuża lill-Gvern Ingliż ‘m’għandux l-iċken idea’ dwar il-Brexit

Id-deputat parlamentari veteran, Ken Clarke, qal li l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qed tmexxi ‘Gvern mingħajr idea jew politika’ dwar kif se jiżviluppa l-proċess tat-tluq tal-pajjiż mill-Unjoni Ewropea, skont is-sistema ‘Brexit’.
Clarke, eks-Kanċillier Britanniku u membru attwali tal-Partit Konservattiv fil-Gvern, ilu magħruf li hu favur il-kunċett tal-UE.
Sadattant, hu kellu kliem iebes għall-Amministrazzjoni tat-Tories attwali u ma naqasx milli jattakka lill-hekk-imsejħa ‘Three Brexiteers’ – is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson; is-Segretarju għall-Brexit, David Davis u s-Segretarju għall-Kummerċ Internazzjonali, Liam Fox, li għenu jwasslu għall-vot biex ir-Renju Unit ma jiffurmax aktar parti mill-Unjoni ta’ Stati Ewropej.
Ken Clarke qal li l-Prim Ministru May ‘għandha problema enormi’ biex isserraħħ moħħha li Johnson, Davis u Fox qegħdin jaħdmu flimkien b’mod effettiv għall-ġid tal-pajjiż. Hu aċċenna wkoll għad-diffikultajiet li qed tiffaċċja Theresa May biex iżżomm l-għaqda fil-Partit tat-Tories, meta hi teħtieġ tikkonfronta d-domandi tal-‘Ewro-xettiċi radikali’.
Fl-istess ħin, Ken Clarke qal li se jivvota kontra l-‘Brexit’ fil-House of Commons ta’ Londra, waqt li rrifera għar-referendum ta’ Ġunju (li kkonferma l-‘Brexit’) bħala ‘stħarriġ ta’ opinjoni’. Intant, Clarke ftit għandu dubju li d-deċiżjoni tal-eks-Prim Ministru Britanniku, David Cameron, biex isir dan ir-referendum ma kenitx għajr waħda ‘katastrofika’.
Fil-fatt, meta kien qed jitkellem waqt intervista lin-New Statesman, Ken Clarke – li wasal biex iwarrab mill-politika – tenna li ‘l-ebda membru tal-Gvern m’għandu idea dwar x’iridu jagħmlu issa, fuq il-front tal-‘Brexit’’.
Il-kummenti ta’ Clarke ngħataw qabel il-konferenza tal-Partit Konservattiv li għandha ssir f’Birmingham. Dan ukoll fost id-diżgwid dwar jekk il-pajjiż għandux jippersisti għal politika magħrufa bħala ‘Hard Brexit’ barra s-suq komuni Ewropew, inkella jekk jibqax parti minn dan is-suq.