Qorti

Jammetti li seraq ġojjelli ftit wara li joħroġ mill-Qorti

Raġel magħruf ferm mal-Pulizija ammetta li seraq b’madwar €15,000 f’ġojjelli minn ġojjellerija, ftit wara li ħareġ mill-Qorti fejn qed jiffaċċja akkużi fuq każ separat.

Carmel Mugliett, ta’ 53 sena minn Wied il-Għajn, tressaq il-Qorti akkużat b’serq minn Pavilion Jewellers ta’ Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Is-serqa seħħet nhar it-Tlieta qrib l-10:30am.

L-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Daryl Borg, li qed imexxu l-Prosekuzzjoni, fil-Qorti qalu li l-oġġetti misruqa s’issa għadhom ma nstabux ħlief €340 fi flus kontanti li nstabu fil-pussess tal-akkużat.

Mugliett hu magħruf ferm mal-Pulizija minħabba n-numru ta’ reati li dwarhom ġie akkużat fil-passat, inkluż dawk marbuta ma’ serq. Fil-Qorti, hu ġie akkużat ukoll li hu reċidiv.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli mistennija tagħti s-sentenza għadha. L-avukat Martin Fenech deher għall-akkużat bħala għajnuna legali.