Internazzjonali

Jarrestaw suspettati b’konnessjoni mal-attakk fuq il-lukanda fil-Mali

Il-qawwiet speċjali fil-Mali arrestaw żewġ suspettati b’konnessjoni mal-assedju ta’ ġimgħa ilu minn terroristi fuq il-Lukanda Radisson Blue, fil-kapitali Bamako.

L-azzjoni terroristika tal-20 ta’ Novembru ħalliet madwar 20 mejtin, bl-identità tal-arrestati ma tkunx żvelata għalissa. Lanqas mhu magħruf ir-rwol taż-żewġ suspettati f’dan l-attakk.

L-assedju tat-terroristi fuq il-lukanda dam għal disa’ sigħat, fejn l-irġiel armati żammew mal-170 ostaġġ, sakemm intervjenew il-pulizija u l-qawwiet tas-sigurtà. Intant, dakinar laħqu nqatlu 20 taħt idejn it-terroristi waqt li rriżultaw numru ta’ midruba.

Grupp ta’ militanti affiljat mal-moviment al-Qaeda assuma responsabbiltà għall-attakk fuq il-lukanda f’Bamako.