Lokali

Jaslu Malta l-membri tal-Familja Rjal

Ftit wara t-3pm, ir-Reġina Eliżabetta II bdiet żjara ta’ tlett ijiem f’Malta fl-okkażjoni tas-Summit tal-Mexxejja tal-Commonwealth (CHOGM), li qed isir f’pajjiżna. Hi qed tkun akkumpanjata mid-Duka ta’ Edinburgh, il-Prinċep Filippu, kif ukoll mill-Prinċep Karlu u d-Dukessa Camilla.

Mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ir-Reġina ttieħdet il-Palazz ta’ San Anton għaċ-ċerimonja ta’ merħba. Din iċ-ċerimonja kellha ssir fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt, iżda t-temp ħażin wassal għal bdil fil-programm.

Wara ċ-ċerimonja, ir-Regina flimkien mad-Duka, il-Prinċep u d-Dukessa, laqgħu lill-mistiedna għal Riċeviment ad unur il-poplu Malti fil-Palazz ta’ San Anton.

Ir-Reġina u d-Duka Filippu se jkunu qed joqgħodu fil-Palazz tal-President f’Ħ’Attard, bi programm ta’ attivitajiet differenti minn dak li se jkollhom il-Prinċep Karlu u d-Dukessa Camilla.

Fit-tieni jum tal-iżjara statali, minbarra ċ-ċerimonja uffiċjali tal-ftuħ tal-laqgħa taċ-CHOGM, filgħaxija ssir l-ikla tradizzjonali tal-Mexxejja. Fit-tielet jum imbagħad, il-Prinċep Karlu u d-Dukessa Camilla jitilqu kmieni minn Malta. Iżda qabel, il-programm jinkludi dawra mat-toroq tal-Imdina.

Għar-Reġina Eliżabetta II, din hi s-seba’ darba li qed iżżur Malta.

Sadanittant, rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li r-Reġina talbet biex matul iż-żjara tagħha f’pajjiżna żżur Villa Guardamangia f’Tal-Pietà, fejn għexet flimkien mad-Duka ta’ Edinburgh fl-ewwel snin taż-żwieġ tagħhom. Madankollu, hi ma tħallietx iżżur din il-Villa għax tinsab fi stat ħażin ħafna.

Ritratti Roberto Runza: