Internazzjonali

Jegħrqu aktar immigranti lil hinn mill-kosta tal-Libja

RITRATT MILL-ARKIVJI

L-awtoritajiet inkarigati mill-missjonijiet tas-salvataġġ fuq il-baħar qalu li x’aktarx li għerqu tal-anqas 30 immigranti oħra, wara li nqalbu bid-dgħajsa ftit ’il barra mill-kosta tal-Libja. Ir-rapporti li daħlu sostnew ukoll li madwar 77 immigranti oħra kienu salvati mit-taqsimiet navali Ewropej. Ma kienx eskluż li ċ-ċifra tal-vittmi ġdida tiżdied ‘b’għexieren oħra’, ’il quddiem.

Kien ajruplan għas-sorveljanza mil-Lussemburgu li ħareġ bl-ewwel allert dwar l-aħħar traġedja, b’numru ta’ bastimenti minn task force tal-Unjoni Ewropea u tal-gwardjani tal-kosta Taljani jitilqu lejn iż-żona tal-emerġenza, fejn sabu wħud mill-immigranti jżommu mal-parti tad-dgħajsa li ma għerqitx.

Frejgata minn Spanja fl-inħawi tat l-ewwel ghajnuna fil-baħar, bl-għajnuna tal-gwardani tal-kosta Taljani, u fejn intefgħu floats u ġgieget lill-persuni fil-baħar.

Din it-traġedja seħħet wara li l-qawwiet tal-baħar Taljani, nhar l-Erbgħa, salvaw madwar 562 immigrant minn dgħajsa oħra li għerqet barra l-kosta Libjana. Anki f’dan il-każ kienu rrappurtati numru ta’ mwiet.

Xi 6,000 immigrant li ppruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa spiċċaw salvati minn opri tal-baħar vulnerabbli matul din il-ġimgħa biss.