Internazzjonali

Jegħrqu aktar tfal waqt vjaġġi fatali

Talanqas sitt itfal għerqu meta nqalbu żewġ dgħajjes tal-immigranti li kienu fi triqthom lejn il-kosta tal-Greċja.
It-tfal mietu f’żewġ inċidenti separati, bl-ewwel traġedja sseħħ fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa ‘il hinn minn Bodrum, fiz-zona tal-Eġew, fejn dgħajsa mgħobbija b’20 immigrant inqalbet fost il-maltemp fl-inħawi. Ħafna mill-immigranti rnexxielhom jaslu sax-xatt, iżda tarbija ta’ sena u oħtha ta’ erba’ snin ( li n-nazzjonalità tagħhom mhix magħrufa) spiċċaw għerqu.
Fit-tieni inċident li seħħ ftit tas-sigħat wara, dgħajsa li kienet qed iġġorr għexieren ta’ immigranti mis-Sirja u l-Afganistan għerqet ‘il hinn mill-belt Torka ta’ Ayvacik. Fil-preżent, ħafna immigranti qed jippruvaw jaqsmu minn Ayvacik għall-gżira Griega ta’ Lesbos u fl-inċident spiċċaw jegħrqu erbat itfal Afgani.
Fi żviluppi oħra, il-Ġermanja ddeportat l-ewwel grupp ta’ immigranti skont ftehim mal-Istati tal-Balkani rigward immigranti li skadewlhom id-dokumenti tal-identità jew li d-dokumenti tagħhom spiċċaw meqruda.
Ir-rapporti semmew il-Kosovo bħala ‘d-destinazzjoni finali’ ta’ dan il-grupp ta’ xi 60 immigrant li t-talbiet tagħhom għal kenn politiku ma kenux aċċettati.
Hu minnu li ħafna immigranti li qed ifittxu kenn politiku qed jeqirdu l-passaporti malli jaslu fil-pajjiż immarkat bħala d-destinazzjoni tagħhom.
B’hekk il-Ġermanja setgħet tiddeporta biss madwar terz tal-immigranti li kellhom l-applikazzjonijiet għall-kenn politiku miċħuda. Il-Kosovo, Montenegro u l-Albanija kienu ddikjarati ħielsa mill-periklu ftit tax-xhur ilu u dan ifisser li ċ-ċittadini tagħhom huma awtomatikament ineliġibbli għall-kenn politiku.