Lokali Qorti

Jibda jinstema’ l-każ Gaffarena

(Ritratt: Marco Gaffarena, ħiereġ mill-Qorti dalgħodu)

Il-Qorti għandha tagħti deċiżjoni dwar mandat ta’ inibizzjoni kontra Mark Gaffarena sa gimghatejn ohra.

Waqt seduta fil-Prim Awla tal-Qorti Civili, ippreseduta mill-Imhallef Joseph R Micallef, l-Avukat Generali Peter Grech, ghan-nom tal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-vesti tieghu bhala Membru Parlamentari, fisser kif il-ligi dwar id-disposizzjoni ta’ art tal-Gvern tippermetti li l-Ufficcju tal-Avukat Generali jista’ jidher ghan-nom ta’ kwalunkwe Membru Parlamentari sabiex jikkontesta disposizzjoni ta’ art pubblika.

F’dan l-istadju, il-Qorti qed tittratta il-mandat ta’ inibizzjoni mressaq minn Muscat sabiex Gaffarena ma jbieghx jew jittrasferixxi l-artijiet li nghataw bi tpartit ghall-espropjazzjoni ta’ żewġ kwarti ta’ dar fi Triq Zekka fil-Belt Valletta.

Il-kawża ċivili propja sabiex jittieħdu lura l-artijiet se tibda tinstema’ quddiem l-Imħallef Anna Felice mix-xahar id-dieħel.

Waqt is-seduta xehdet in-Nutar Marisa Grech mid-Divizjoni tal-Propjeta’ tal-Gvern li matulha elenkat il-propjetajiet pubbliċi li ngħata Gaffarena bi tpartit għall-esproprju taż-żewġ kwarti fi Triq Zekka. Fiż-żewġ kuntratti, datati 28 ta’ Jannar u 10 ta’ April tas-sena li għaddiet, Gaffarena ingħata artijiet u propjetajiet f’Tas-Sliema, fil-limiti tas-Siġġiewi, f’Tal-Ħandaq, f’Baħar iċ-Ċagħaq u fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ.

L-Avukat Keith Bonnici, li qed jidher għal Gaffarena, qal li l-okkju tal-każ, jiġifieri l-isem tal-partijiet li qed jidhru, jista’ jqajjem lok għal konfużjoni għaliex jekk il-PM Joseph Muscat qed iressaq il-każ bħala Membru Parlamentari, l-isem fil-kawża kellu jkun l-Onorevoli Joseph Muscat u mhux il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Preżenti fl-Awla kien hemm ukoll Mark Gaffarena li deher jitbissem u kunfidenti mal-ħruġ tiegħu mill-Qorti.