Lokali

“Jien għandi raġun u l-esperti huma żbaljati”

“Jien għandi raġun u l-esperti huma żbaljati” – dan hu t-titlu fl-istorja ewlenija tal-gazzetta Sunday Times of Malta f’intervista mal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici li jibqa’ jwebbes rasu u jirrifjuta li jikkonsulta l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja dwar in-nomina tal-Avukat Caroline Farrugia Frendo bħala Maġistrat.

In-Nomina ta’ Farrugia Frendo, li tiġi bint l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia kif ukoll in-nomina ta’ Ingrid Zammit Young qajjmu kontroversja minħabba l-eliġibilita’ tagħhom għall-ħatra ta’ maġistrat kif tesiġi l-Kostituzzjoni. Ftit tal-jiem wara, l-Avukat Zammit Young irrifjutat in-nomina tagħha iżda l-Ministru Owen Bonnici qed jinjora pariri ta’ esperti u se jibqa’ għaddej bin-nomina ta’ Farrugia Frendo.

Kemm l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello, li kien mexxa l-Kummissjoni għar-Riforma fil-Ġustizzja mwaqqfa mill-Gvern Laburista, kif ukoll id-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi il-Professur Kevin Aquilina u l-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler appellaw lill-Ministru sabiex ifittex parir mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja sabiex jitneħħa kull dubju dwar l-eliġibilita’ ta’ Caroline Farrugia Frendo bħala Maġistrat.

Iżda Owen Bonnici qed imeri lil dawn l-esperti u qed jippersisti fir-rifjut tiegħu li jikkonsulta l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.