Lokali

“Jien kont wieħed mis-36,000. Diżappuntat” – il-preżentatur Salvu Mallia

Il-preżentatur u personalità popolari Malti Salvu Mallia qal li kien wieħed mis-36,000 vot li taw ir-rebħa lill-Gvern Laburista u li issa jinsab iddiżappuntat bil-Gvern.

Salvu Mallia kien qed jitkellem f’kollegament waqt il-programm Newsfeed fuq Net Television meta fost oħrajn tkellem dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama li għandu l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Dwar dan l-iskandlu, il-preżentatur Salvu Mallia qal li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, għandhom jirriżenjaw mill-kariga fid-dawl tal-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti li nqabdu li għandhom fil-Panama.

Filwaqt li dan hu każ li jħalli n-nies bla kliem, Salvu Mallia żied li bilkemm jaf x’jaqbad jaħseb dwar il-każ.

Intant, fid-dawl tal-pressjoni li qed jiffaċċja mill-pubbliku dwar dan l-iskandlu u biex ineħħi lill-Ministru Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, il-Prim Ministru għadu qed jiddefendiehom u jinsisti li ma sar xejn ħażin.

Il-kumpaniji sigrieti nfetħu fil-Panama, pajjiż blacklisted mill-Unjoni Ewropea u magħruf għall-kumpaniji sigrieti li jinfetħu biex fihom jinħbew u jinħaslu l-flus maħmuġin.