Lokali

Jiftaħ iċ-CHOGM

“Malta hi eżempju ta’ kif iċ-ċokon ta’ pajjiż mhux limitazzjoni għal statura morali u impenn ta’ ħidma fl-arena internazzjonali.” Kien b’dawn il-kliem li r-Reġina Eliżabetta II, Kap tal-Commonwealth, fetħet l-24 laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-pajjiżi tal-Commonwealth (CHOGM) f’Malta.

Hi sellmet lill-Gvern u l-poplu ta’ Malta għall-appoġġ lill-Commonwealth u li qed jospita ċ-CHOGM għat-tieni darba f’għaxar snin. Malta hu wieħed minn dawk il-pajjiżi msejjħa żgħar li jiffurmaw iktar min-nofs tal-pajjiżi membri tal-Commonwealth.

Ir-Reġina Eliżabetta II qalet li f’dawn l-għexieren ta’ snin, twieldu pajjiżi ġodda minn madwar id-dinja u magħhom kiber il-potenzjal u l-ħilijiet tal-popli tagħhom. “Hemm riżerva qawwija ta’ enerġija u talent fil-Commonwealth.” sostniet il-Kap tal-Commonwealth

Fost il-proġetti ta’ fejda mħaddma mill-Commonwealth ir-Reġina semmiet il-Queen’s Commonwealth Canopy,proġett biex ikunu mħarsa l-foresti fil-pajjiżi membri. Dawn l-inizzjattivi juru li l-Commonwealth hu forza għat-tajjeb. Hi tinsab kburija ta’ dak li kiseb il-Commonwealth matul ħajjitha f’dawn is-sitt deċennji.

Erba’ prijoritajiet għall-Commonwealth tal-futur – Il-Prim Ministru Joseph Muscat

Fid-diskors waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Commonwealth illum qiegħed f’salib it-toroq, irid jiddeċiedi jekk hux dwar il-passat jew jekk hux se jħares lejn il-futur. Il-passat kien komuni għal dawn il-pajjiżi li kien fondamentali biex inbnew il-pedamenti ta’ dak il-passat iżda għal parti kbira taż-żewġ biljun ċittadin tal-Commonwealth, ftit jiftakru ir-rabta tal-passat mar-Renju Unit.

Joseph Muscat semma erba’ prijoritajiet għall-futur tal-Commonwealth; il-ġlieda kontra ir-radikalizzazzjoni, fejn l-edukazzjoni u x-xogħol huma l-aqwa risposta għat-terroriżmu u dan hu fejn il-Commonwealth hu b’saħħtu.
Il-Governanza tajba hi wkoll għan importanti, kemm fil-politika kif ukoll fin-negozju.
It-tielet għan hu l-Ugwaljanza. Il-Prim Ministru qal li filwaqt li wieħed irid japprezza li kulħadd għandu kulturi differenti, issa hu l-waqt li jkun hemm ugwaljanza sħiħa fuq bażi ta’ ġeneru u orjentazzjoni sesswali. L-Ugwaljanza hi l-ugwaljanza. Għan ieħor hu l-ambjent fejn il-Commonwealth irid ikun fuq quddiem għal pjani ambizzjużi u realistiċi dwar il-bidla fil-klima.

Huma b’dawn l-erba’ prioritajiet, li l-Commonwealth ikun verament qed iżid il-valur globali, temm il-Prim Ministru Malti, li fis-sentejn li ġejjin se jkun ukoll iċ-Chairperson tal-Commonwealth.

Hu esprima t-tama li l-Commonwealth ikun wieħed li jilħaq l-aspirazzjoni u li jkun il-Commonwealth tal-futur

Apprezzament li l-Commonwealth reġa’ tlaqqa’ f’Malta– Kamalesh Sharma, Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth

Is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Kamalesh Sharma qal li t-tieni laqgħa tal-Commonwealth f’Malta fi żmien 10 snin hu turija tal-impenn ta’ Malta lejn il-Commonwealth. Kamalesh Sharma, li f’dawn il-jiem se jtemm il-mandat tiegħu bħala Segretarju Ġenerali feraħ lil Malta għall-ewwel edizzjoni tal-Commonwealth Forum tan-nisa li kien suċċess.

Sharma qal li d-diversita’ tal-Commonwealth hi riċetta tas-suċċess u jgħin fl-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja u t-tema magħżula – adding global value – hi verament f’waqtha. Malta 2015 se jkun mfakkar li fih kienu indirizzati tliet sfidi ewlenin: l-iżvilupp sostenibbli, il-bidla fil-klima, u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni.

Hu kompla li l-Commonwealth jgħix mill-qrib it-terroriżmu u l-migrazzjoni u kull pajjiż għandu storja x’jirrakkonta.
Hu sellem lir-Reġina Eliżabetta II li għal dawn l-aħħar 60 sena u fuqhom, qatt ma waqfet fl-appoġġ tagħha u hi ta’ ispirazzjoni għal kulħadd ta’ xogħol, tmexxija u dedikazzjoni. Taħt it-tmexxija tagħha, l-organizzazzjoni kibret fi statura, rispett u rilevanza.

President ta’ Sri Lanka Maithripala Sirisena, Chairman tal-Commonwealth

Iċ-Chairman tal-Commonwealth, il-President ta’ Sri Lanka Maithripala Sirisena esprima s-sodisfazzjon tiegħu ghall-parteċipazzjoni tar-Reġina Eliżabetta tagħha fiċ-CHOGM. Sirisena, li pajjiżu ospita ċ-CHOGM sentejn ilu, qal li din l-organizzazzjoni għenet fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi membri. Hu qal li jħares lura b’sodisfazzjon għax-xogħol li sar f’dawn is-sentejn u rringrazzja għall-għajnuna u l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Kamalesh Sharma. Il-PM Malti Joseph Muscat se jieħu post Sirisena bħala Chairman tal-Commonwealth, li jitmexxa mill-pajjiż li jkun ospita ċ-CHOGM għas-sentejn ta’ wara.