Internazzjonali

Jiftaħ is-summit ta’ Pariġi dwar il-klima

epa05049302 Empty rostrum during the opening ceremony of the COP21 World Climate Change Conference 2015 in Le Bourget, north of Paris, France, 30 November 2015. The 21st Conference of the Parties (COP21) is held in Paris from 30 November to 11 December aimed at reaching an international agreement to limit greenhouse gas emissions and curtail climate change. EPA/YOAN VALAT

Mexxejja minn madwar id-dinja nġabru fil-belt kapitali Franċiża, Pariġi, għas-summit tan-Nazzjonijiet Uniti, magħruf bħala COP21, dwar il-tibdil fil-klima.
L-iskop tal-konferenza hu biex ikun hemm bidla konkreta biex il-pajjiżi jibdew jużaw aktar enerġija li tiġġedded u jużaw anqas dik li tagħmel il-ħsara lill-klima.
B’kollox, negozjaturi minn 195 pajjiż se jkunu preżenti f’Pariġi għall-ġimagħtejn li ġejjin biex jippruvaw jilħqu ftehim biex inaqqsu l-ħruġ ta’ gassijiet li jagħmlu l-ħsara lill-klima dinjija.
Iżda qabel, il-mexxejja ta’ 147 pajjiż bdew jindirizzaw il-laqgħa bi stennija għad-diversi inizjattivi li mistennija jitħabbru.
Franza qalet li kważi l-gvernijiet kollha kienu elenkaw pjan biex jiġġieldu l-ħsara li qed issir lill-klima lil hinn mill-2020. Imma d-diplomatiċi ammettew li t-taħditiet mhux se jkunu faċli.
Il-President Amerikan Barack Obama, fil-ftuħ tal-konferenza, qal li din il-laqgħa tista’ tħoll jew torbot l-isforzi internazzjonali biex titrażżan iż-żieda li qed ikun hawn fit-temperatura tal-klima. Hu fakkar lil kulħadd li dak li se jsir f’din il-laqgħa kien għall-ġenerazzjonijiet li jmiss biex ikunu jistgħu jgawdu d-dinja. Hu qal li mar hu personalment hemmhekk għaliex mhux biss jagħraf il-problema, imma ried jagħmel xi ħaġa dwarha.
Mexxejja oħra indirizzaw lid-delegati lbieraħ, fosthom il-President Russu Vladimir Putin. Waqt in-negozjati qabel il-ftehim ta’ Kyoto, ir-Russja kienet l-aħħar pajjiż industrijalizzat li jirratifika l-ftehim u b’hekk seta’ jidħol fis-seħħ fl-2001. Putin ilbieraħ qal li d-dinja kellha prova li jekk wieħed irid, jista’ jkun hemm żvilupp ekonomiku u fl-istess waqt l-ambjent ikun trattat tajjeb.
Min-naħa l-oħra, il-President Ċiniż Xi Jinping qal li ma kienx jara l-konferenza ta’ Pariġi bħala xi ħaġa li tħoll jew torbot imma aktar bħala bidu ġdid. Hu żied li t-tibdil fil-klima kien imur lil hinn mill-fruntieri tal-pajjiżi, u kulħadd kellu jaħdem b’rabta ma’ din il-kwistjoni qabel ma tenna l-wegħda Ċiniża li pajjiżu jibda jnaqqas il-ħruġ tal-gassijiet perikolużi.
In-Nazzjonijiet Uniti qed timmira li ż-żieda fit-temperatura tad-dinja ma tkunx ta’ aktar minn żewġ gradi Celsius minn dik li kien hemm qabel l-era tal-industrijalizzazzjoni imma madwar 100 pajjiż, fil-maġġoranza fqar jew gżejjer, iridu li din tkun ta’ 1.5 grad Celsius.
U hu dan li mistenni jiddomina ħafna min-negozjati li jkunu qed isiru f’Pariġi.