Internazzjonali

Jingħalaq stazzjon tar-radju ieħor Palestinjan fost il-vjolenza

Komplew l-attakki tal-Palestinjani fuq l-Iżraeljani fil-belt ta’ Ġerusalemm, bl-awtoritajiet ta’ Iżrael jiddeċiedu biex jagħlqu tielet stazzjon tar-radju Palestinjan li qalu kien qed jixpruna l-vjolenza fl-inħawi.

L-aħħar stazzjon li ngħalaq jismu Dream radio station u jinsab fil-belt ta’ Hebron, fix-Xatt tal-Punent. Din il-belt hi kkunsidrata fortizza tal-moviment Hamas tal-militanti Iżlamiċi u ħafna mill-vjolenza riċenti kienet ikkonċentrata fl-inħawi.

L-aħħar żviluppi seħħew meta l-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani qed jippruvaw jikkontrollaw is-sitwazzjoni f’Ġerusalemm fejn, fl-aħħar xahrejn, numru ta’ Palestinjani attakkaw ċittadini Iżraeljani bis-skieken u anki daħlu fihom bil-karozzi.

Kmieni dalgħodu, Palestinjan attakka pulizija Iżraeljan b’sikkina u kkaġunalu feriti ħfief qrib il-Bieb ta’ Damasku li jservi ta’ aċċess għall-Belt Antika fil-lvant ta’ Ġerusalemm. Dan l-aggressur, aktar tard, tilef ħajtu wara li ntlaqat b’tiri sparati lejh mill-pulizija.

F’inċident ieħor mara spiċċat aggredita u midruba minn Palestinjan waqt li kienet qed tistenna karozza tal-linja f’Ġerusalemm. L-aggressur tal-mara ħarab minn fuq il-post iżda spiċċa arrestat ftit tal-ħin wara.