Lokali Sport

Jingħata bidu għat-taħriġ tal-plejers tal-Maratona tal-Volleyball b’riżq id-Dar tal-Providenza

Ingħata bidu għat-taħriġ bi preparazzjoni għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-BOV Volleyball Marathon b’riżq id-Dar tal-Providenza.

B’kollox applikaw 78 persuna. L-iżgħar participant għandha 15-il sena. L-ikbar parteċipant għandu 51 sena.

L-ewwel fażi ta’ taħriġ tinkludi 4 sessjonijiet u trial ta’ 12 il-siegħa ta’ logħob bla waqfien, It-tieni fażi tinkludi 5 sessjonijiet ta’ taħriġ u trial ta’ 24 siegħa ta’ logħob bla waqfien. Mit-78 atleta jridu jintagħżlu 40.

Fr. Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar Tal-Providenza spjega l-importanza tal-Maratona kemm minħabba l-fatt li din tiġġenera il-fondi tant meħtieġa għad-Dar tal-Providenza, tipprovdi opportunita’ festa għar-residenti kif ukoll il-promozzjoni tal-volontarjat.

Is-Sur Emanuel Zammit, Ċerperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Maratona irringrazzja lil parteċipanti kollha li qed jieħdu sehem. Huwa saħaq li l-element tal-volontarjat huwa kruċjali għax biex il-maratona tkompli tkun suċċess hemm il-ħtieġa li jkun hemm il-ħidma tal-volontarjat f’kull aspett, kemm dak loġistiku, dak organizzattiv kif ukoll dak atletiku.

Silvan Gauci, id-Direttur Tekniku tal-Maratona, sostna li din is-sena apparti minn għadd ta’ plejers li diġa ħadu sehem, hemm għadd ta’ uċuħ ġodda li urew l-interess biex jieħdu sehem f’din il-Maratona. L-għażla ser tkun ibbażata kemm fuq aspett tekniku kif ukoll fuq aspett ta’ dixxiplina.

L-edizzjoni ta’ din is-sena ser issir nhar l-1, 2 u 3 ta’ Lulju fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.