Internazzjonali

Jinqatel kap ewlieni tal-ISIS fl-Afganistan

Imkejjen qrib il-militar tal-Afganistan qalu li kmandant ewlieni tal-ISIS tilef ħajtu waqt missjoni li mexxew il-qawwiet speċjali Afgani fl-inħawi ta’ Nangarhar.

Il-maqtul, Saad Emarati, kien wieħed mill-fundaturi tal-fergħa tal-ISIS għall-Afganistan u l-Pakistan u, fl-aħħar xhur, mexxa numru ta’ attakki kontra l-militanti tat-Taliban kif ukoll kontra l-Gvern f’Kabul. Emarati kien kmandant Talibani li ddeċieda li jaqleb għal mal-ISIS wara li sar magħruf li miet Mullah Omar, il-fundatur tal-moviment tat-Taliban.

L-uffiċjali Afgani, issa, qalu li Emarati kien ‘wieħed fost xi 120 militant issuspettati li nqatlu’ waqt il-missjoni militari li kkonċentrat fuq id-distrett ta’ Kot.

Hu minnu wkoll li Emarati kien wieħed mill-aktar kapijiet importanti tal-ISIS fir-reġjun u mewtu, jekk kemm-il darba jkun ikkonfermat minn sorsi indipendenti, għandu jitqies bħala disfatta kbira għall-kapaċitajiet ta’ din l-entità terroristika fl-inħawi Afgani lejn il-Lvant.