Lokali

Jinqatel l-Avukat Carmel Chircop, President tal-Banda Duke of Connaught

L-Avukat Carmel Chircop, President tal-Banda Duke of Connaught għall-aħħar għaxar snin, inqatel kiesaħ u biered fi sparatura li seħħet għall-ħabta tas-7.30 ta’ dalgħodu fi Triq Ġanni Borg f’Birkirkara. L-Avukat kellu 51 sena u joqgħod Birkirkara stess, qrib il-Knisja ta’ San Pawl.

Il-vittma nstab fl-ewwel sular fid-daħla ta’ kumpless ta’ garaxxijiet mifruxa fuq erba’ sulari, li jinsabu qrib l-Iskola Primarja tal-lokal. L-ewwel indikazzjonijiet qed juru li b’kollox kienu sparati bejn ħamsa u seba’ tiri, bil-vittma jintlaqat minn tir f’ġenbu u ieħor f’sidru.

Fil-post waslet immedjatament Ambulanza, li iżda kellha titlaq lura vojta għax Chircop miet fil-post.

F’dawn il-ħinijiet fil-post hemm ukoll il-Maġistrat Marceanne Farrugia, li qed tmexxi l-inkjesta, akkumpanjata mid-Deputat Kummissarju Pierre Calleja, l-Assistenti Kummissarji Silvio Valletta u Martin Sammut, l-Ispettur Keith Arunaud, il-Pulizija mid-Distrett Sandra Zammit, kif ukoll l-Ispetturi tas-CID James Grech, Saviour Baldacchino u Joseph Mercieca.

Aktar dettalji kif jaslulna …

Carmel Chircop Qtil 1

Carmel Chircop Qtil 2