Internazzjonali

Jinqatlu militanti tal-PKK fit-Turkija

Il-militar tat-Turkija qatel talanqas 35 militanti Kurdi tal-PKK li kienu ppruvaw jassedjaw bażi tal-Armata fix-xlokk tal-pajjiż.

L-attakk, li seħħ fid-distrett ta’ Cukurca, fil-provinċja ta’ Hakkari, kien irrappurtat ftit sigħat wara li tmien suldati Torok kienu tilfu ħajjithom waqt battalji bejn il-qawwiet tat-Turkija u militanti fl-istess zona qrib il-fruntiera mal-Iraq.

Ingħad li ntużaw anki qawwiet tal-ajru Torok kontra l-PKK wara li l-militanti ntlemħu qegħdin javvanzaw fuq il-bażi.

Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied bejn il-militar Tork u l-grupp PKK ikkrolla f’Lulju tas-sena l-oħra u, minn dakinar, l-azzjonijiet tal-Armata fl-inħawi Torok tax-Xlokk flimkien mal-attakki ta’ ritaljazzjoni mill-PKK issarrfu f’mijiet ta’ mejtin.

L-Armata tat-Turkija, fil-preżent, qed tkun mheżża minn riformi kbar wara l-kolp ta’ stat ta’ jiem ilu kontra l-President Tork Recep Tayyip Erdogan.