Lokali Parlament

Il-Ministru Joe Mizzi f’laqgħat f’Seoul dwar it-traffiku

Wara li l-Gvern iddikjara fil-baġit li se jkun qiegħed jintaxxa t-traffiku bħalma qed jintaxxa l-kostruzzjoni u t-tabakk, mingħajr ma ħareġ bi pjan ċar ta’ kif se jindirizza l-problema tat-traffiku, il-Ministru Joe Mizzi responsabbli mit-trasport u l-infrastruttura tat-toroq qiegħed iħares lejn il-Korea t’Isfel, lejn il-belt ta’ Seoul b’popolazzjoni ta’ aktar minn 10 miljun, biex isolvi l-problema f’pajjiżna.

Meta l-Ministru Joe Mizzi kien qiegħed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Laburista Deborah Schembri fl-istess seduta li fiha l-Gvern ippreżenta l-baġit, il-Ministru Joe Mizzi ta dettalji dwar il-laqgħat li kellu f’Seoul.

Il-Ministru Joe Mizzi kellu laqgħat mas-Seoul Metropolitan Government, li reċentement żviluppa strateġija komprensiva fit-tul ‘Seoul Traffic Vision 2030′ biex tindirizza l-problemi ta’ żidiet fin-numru ta’ vetturi, konġestjoni tat-traffiku u problemi oħrajn relatati mat-traffiku, bħal tniġġis fl-arja.

Skont il-Ministru, din l-istrateġija timmira għal tnaqqis ta’ 30% fil-vjaġġi b’vetturi privati, tnaqqis ta’ 30% fil-ħin bit-trasport pubbliku u żieda ta’ 30% fl-użu ta’ trasport li ma jagħmilx ħsara, bħal mixi, roti u użu akbar ta’ trasport pubbliku.

Li ma qalx u ma spjegax il-Ministru Mizzi, li l-ġimgħa li għaddiet ma kienx preżenti fil-Parlament għad-dibattitu dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar il-problema reali tat-traffiku u d-diżastru fit-trasport pubbliku, hu li din il-viżjoni f’Seoul ilha tiġi diskussa minn Diċembru tal-2013 u mhux illum, fl-aħħar kwart tas-sena 2015.

Dan jikkuntrasta bil-kbir mar-roadmap li qal li għandu l-Partit Laburista wkoll fl-2013 qabel l-elezzjoni ġenerali – liema raoadmap sal-lum għadna ma nafu xejn dwarha aħseb u ara kemm ikkonsulta u ddiskuta.

Lanqas ma qal kif il-gżejjer Maltin jistgħu b’xi mod jiġu paragunati mal-belt ta’ Seoul, u kif din il-viżjoni għall-belt daqshekk popolata, fost l-aktar popolati fid-dinja, tista’ tapplika għaċ-ċokon tal-gżejjer tagħna.

Meta wieħed iħares lejn il-viżjoni sal-2030 għall-belt ta’ Seoul, isib li f’din il-belt se jirdoppja l-ispazju ta’ passaġġi għall-mixi; servizz pubbliku b’xejn bl-użu tar-roti mifruxa mal-belt kollha ta’ Seoul; u bini ta’ sistema eċċellenti ta’ toroq li jkunu ta’ sigurtà kemm għal min ikun qed jimxi, min ikun qed juża r-rota u għas-sewwieqa.

Sadattant, il-Gvern injora l-proposta li l-Oppożizzjoni resqet sena ilu biex il-Gvern jipprovdi servizz ta’ trasport b’xejn lill-istudenti kollha fl-iskejjel tal-Knisja u indipendenti bħalma jagħmel għall-iskejjel tal-istat, u wara nofs il-leġislatura qiegħed jgħid li se jibda jesperimenta sistemi għall-immaniġġjar tat-traffiku.