Internazzjonali

Jintlaqtu mis-sajjetti waqt maltempati madwar l-Ewropa

Sensiela ta’ maltempati tas-sajf laqtu numru ta’ pajjiżi Ewropej fi tmiem il-ġimgħa, fejn każ partikolari kellu jirriżulta fatali għal raġel.

Il-maltemp kien tassew ‘berqa fil-bnazzi’ fil-veru sens, meta numru ta’ nies, inklużi tfal, li kienu qed jattendu party f’Pariġi ntlaqtu mis-sajjetti, fost rapporti li wħud jinsabu f’periklu tal-mewt.

It-tfal li ġarrbu l-konsegwenzi tal-maltemp kienu preżenti għal festin ta’ għeluq snin wieħed minn sħabhom f’Parc Monceau u l-aħħar rapporti minn Franza qalu li talanqas sitta jinsabu f’kundizzjoni serja. Ingħad li dawn is-sitta ntlaqtu mis-sajjetti wara li ppruvaw jistkennu taħt siġra waqt l-eqqel ta’ maltempata.

Sadanittant, raġel intlaqat minn sajjetta u miet waqt li kien nieżel ma’ muntanja fin-Nofsinar tal-Polonja.

Kien hemm ukoll inċident fil-Ġermanja fejn tliet persuni weġġgħu serjament meta ntlaqtu mis-sajjetti waqt logħba futbol fl-inħawi ta’ Hoppstaedten. Wieħed mill-midruba kien ir-referi tal-logħba li sofra attakk f’qalbu wara li ntlaqat direttament minn sajjetta. Hu ittieħed l-isptar b’ħelikopter, b’żewġ irġiel oħra li messhom l-istess destin tar-referi ukoll jitwasslu l-isptar għall-kura.