Lokali Parlament

Jirrifjuta li jwieġeb mistoqsija tal-Oppożizzjoni waqt il-ħin tal-mistoqsijiet

Il-Ministru Owen Bonnici rrifjuta li jwieġeb fil-Parlament mistoqsija tal-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius dwar jekk jaqbilx li jiġi rtirat il-pass li bih Sindki jivvjaġġaw b’xejn fil-vjaġġi li tħaddem il-Gozo Channel bejn Malta u Għawdex.

Il-Ministru Owen Bonnici talab lill-Ispeaker Anġlu Farrugia jekk għandux iwieġeb il-mistoqsija li għamel id-Deputat Nazzjonalista David Agius minħabba li l-mistoqsija mhix marbuta mas-suġġett tal-mistoqsija parlamentari li kienet qed tiġi diskussa b’rabta mal-pjan li għandu l-Gvern li qal li se jkun qiegħed jikkonsulta mal-Kunsilli Lokali dwar titjib tal-latrini pubbliċi, fejn tqajmet il-mistoqsija dwar liema Kunsilli Lokali ġew ikkonsultati b’rabta ma’ dan il-pjan.

L-Ispeaker wieġeb li hi l-għażla tal-Ministru jekk iweġibx mistoqsija li mhix relatata mad-dibattitu li kien għaddej b’rabta mal-mistoqsija partikolari li kienet qed tiġi diskussa mill-Kamra, bil-Ministru Owen Bonnici jgħid li mhux sew li jitressqu mistoqsijiet mhux marbuta mas-suġġett. Il-Ministru Bonnici talab biex issir mistoqsija bil-miktub biex ikun jista’ jwieġeb.

Il-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista David Agius kienet marbuta ma’ dikjarazzjonijiet li għamel il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo f’intervista mal-gazzetta tal-Ħadd Illum, u li kienet ippubblikata lbieraħ, dwar passes b’xejn li tagħti l-Gozo Channel lis-Sindki Għawdxin li jivvjaġġaw lejn Malta għal diversi impenji u laqgħat marbuta mal-kariga ta’ Sindku.

Għal din il-mistoqsija, il-Ministru Owen Bonnici, responsabbli wkoll mill-Kunsilli Lokali, illejla fil-Parlament għażel li ma jweġibx.