Internazzjonali

Jirriżenja s-Sindku ta’ Ruma

Ignazio Marino rriżenja minn Sindku ta’ Ruma minħabba kwistjoni dwar l-ispejjeż li kien tella waqt li fil-kariga. Dan wara li l-avversarji tiegħu kienu ilhom jattakkawh minħabba s-sitwazzjoni fqira li tinsab fiha l-belt kapitali Taljana.
Marino, li għandu 60 sena, kien ilu x-xhur taħt pressjoni, meta l-pubbliku hu rrabjat dwar l-istat tat-toroq li huma mimlijin bl-iskart u trasport pubbliku ineffiċenti. Il-pubbliku hu wkoll mgħaddab ħafna għall-fatt li l-kriminalità organizzata infiltrat l-awtorità muniċipali ta’ Ruma.
Marino, issa, ħareġ stqarrija ta’ riżenja indirizzata liċ-ċittadini ta’ Ruma u qal li kien tilef l-appoġġ tal-Partit Demokratiku tiegħu. Marino spjega wkoll li m’għadhomx jeżistu ‘ċ-ċirkustanzi politiċi’ li setgħu ippermettewlu biex jibqa’ bħala Sindku.
Taħt il-liġi Taljana, ir-riżenja ta’ Marino ssir effettiva fi żmien 20 jum u wara kummissarju se jieħu responsabbiltà tal-belt sakemm issir elezzjoni għas-Sindku ġdid.
Marino kiteb fuq Facebook li kien qabel li jħallas lura 20,000 ewro li tella f’kontijiet fir-ristoranti u li hu kien ħallas bi credit card tal-muniċipalità tul is-sentejn u erba’ xhur tiegħu fil-kariga. Hu sostna li n-nefqa kienet waħda leġittima għall-entertainment uffiċjali iżda ddeċieda li jħallas lura xorta l-ammont bħala ‘rigal personali lil Ruma’.