Lokali

Jisirqu pajp minn ċimiterju …. “xi darba int ukoll tkun trid lil min isaqqilek il-fjuri”

Jidher li għal xi wħud ma jeżistux skrupli, tant li fl-aħħar jiem saħansitra anke pajp tal-ilma miċ-Ċimiterju tal-Imġarr għosfor.

Dan il-pajp kien jintuża mill-ħaddiema li jieħdu ħsieb iċ-ċimiterju u l-oqbra biex isaqqu l-fjuri, pjanti u siġar li jgħinu biex f’dan iċ-ċimiterju jkun hemm ftit trankwillità għal min imur iqwatta’ xi ħin qrib l-għeżież tiegħu.

Is-serqa wasslet biex l-istess ħaddiema jħallu nota li ġġiegħlek taħseb: “Min ħa l-pajp l-aħdar tal-ilma, jekk jogħġbok ġibu lura meta tlesti. Ftakar li int ukoll xi darba ħa tispiċċa hawn u tkun trid lil min isaqqilek il-fjuri. Grazzi.”

Serq miċ-ċimiterji mhix xi ħaġa ġdida, hekk kif huma diversi l-episodji ta’ serq ta’ fjuri minn fuq l-oqbra, minbarra oġġetti iżjed prezzjużi bħall-irħam, statwetti jew dekorazzjonijiet oħra mal-lapidi.