Ambjent Għawdex Lokali

Jissoktaw l-attentati biex jinqered il-belveder tan-Nadur

Matul din il-ġimgħa, persuni qrib il-Ministru għal Għawdex se jkomplu bl-attentati tagħhom biex jittella’ ħajt fi Triq David Cocco Palmieri fin-Nadur, li awtomatikament se jkun ifisser il-qerda tal-Belveder tan-Nadur, li minnu jistgħu jitgawdew veduti sbieħ tal-fliegu bejn Malta u Għawdex.

Dan hekk kif il-Ħamis li ġej, il-futur tal-Belveder tan-Nadur se jerġa’ jkun fuq l-aġenda tal-Awtorità Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Fl-aħħar seduta tal-Bord tal-Awtorità kienet saret proposta miċ-Chairman u minn membri oħrajn tal-Bord biex ir-railing eżistenti tal-ħadid ikun irtirat ftit aktar minn metru mil-linja diviżorja, bil-Bord jagħti żmien lill-partijiet kollha involuti biex jgħidu jekk jaqblux ma’ din il-proposta.

Min-naħa tiegħu, wara li ddiskuta din il-proposta, il-Kunsill Lokali tan-Nadur kien stqarr li jaqbel mal-Bord u għalhekk informa bil-miktub lill-MEPA. Iżda l-applikanti, li huma qrib sew tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, ma qablux u għadhom qed jinsistu li jridu li jinbena l-ħajt.

Sadanittant, minn informazzjoni ppubblikata mill-ġurnal In-Nazzjon, jirriżulta li s-CEO tal-MEPA Johann Buttigieg qed jagħmel pressjoni biex l-applikazzjoni tintlaqa’ u jkun permess li jittella’ l-ħajt li n-Nadurin ma jixtiqux.

Sorsi li tkellmu mal-ġurnal fissru li kemm-il darba din l-applikazzjoni tintlaqa’ mill-MEPA, jinħoloq preċedent perikoluż għax ikunu jistgħu jsiru applikazzjonijiet simili biex jingħalqu belvederi oħrajn. Tant hu hekk, li diġà hemm applikazzjoni simili oħra pendenti.

Il-ġurnal irrapporta li ħadd għadu ma jista’ jifhem kif dan il-belveder, li minnu jitgawda wkoll ix-xenarju tal-Port tal-Imġarr, jinsab mhedded serjament li jinqered wara d-deċiżjoni żbaljata tal-Gvern li art esproprjata snin ilu, jirritornaha lis-sidien. Kawża ta’ dan, hemm mis-sidien li jridu jibni ħajt għoli kważi żewġ metri bħala perimetru madwar għelieqi li jinsabu madwar sular ‘l isfel.

Dwar dan kollu, il-Kunsill Lokali tan-Nadur qed jagħmel dak kollu legalment possibbli biex jiġġieled id-deċiżjoni tal-Gvern.