Internazzjonali

Jistennew informazzjoni wara ġlieda fatali f’ħabs fil-Messiku

Il-qraba ta’ ħabsin, fil-Messiku, li qed jiskuntaw sentenzi ta’ priġunerija fil-kumpless ta’ Topo Chico, qrib ta’ Monterrey, insistew għal informazzjoni u kjarifika wara li nqatlu għexieren ta’ ħabsin waqt ġlied li żbroffa f’dak il-kumpless partikolari, matul il-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa.

Folol ta’ qraba mblukkaw it-toroq huma u jistennew għal ‘spjegazzjoni’, bil-Gvernatur tal-Istat ta’ Nuevo Leon, Jaime Rodriguez, jikkonferma li numru ta’ priġunieri, issa, spiċċaw ittrasferiti mill-ħabs ta’ Topo Chico.

L-awtoritajiet Messikani żiedu s-sigurtà f’dan il-ħabs u f’kumplessi simili madwar il-pajjiż wara li madwar 50 priġunier tilfu ħajjithom waqt battalja kbira bejn gruppi ta’ ħabsin rivali f’sezzjoni ta’ Topo Chico, li jinsab lejn it-Tramuntana tal-Messiku. Il-Gvernatur Rodriguez qal li 12-il persuna oħra sfaw midruba wara li l-priġunieri ġġieldu ma’ xulxin bl-injam u strumenti bil-ponta.

Tqabbdu wkoll nirien f’parti mill-kumpless tal-ħabs, b’uffiċjali aktar tard jgħidu li s-sitwazzjoni kienet inġiebet taħt kontroll u li ma kienu ħarbu l-ebda ħabsin.