Ambjent Lokali

Jitħabbru regolamenti biex ikunu sanzjonati żviluppi illegali

L-Awtorità tal-Ippjanar dalgħodu ħabbret dettalji dwar regolamenti ġodda li se jippermettu li s-sidien biex iħallsu, bl-iskop li jirregolarizzaw żviluppi li sa’ issa huma illegali.

Id-dettalji dwar dawn ir-regolamenti ġodda ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri u miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg.

Ir-regolamenti japplikaw għal għal propjetajiet li jinsabu fiż-żona ta’ żvilupp, u mhux f’ODZ. Tapplika wkoll għal kwalunkwe ‘vilupp irregolari, fil-konfini tal-iżvilupp, li fis-snin li għaddew ibbenefikaw minn konċessjoni ta’ kategorija B. Ir-regolamenti jiskadu wara sentejn.

Biex sid ta’ propjetà jibbenefika mill-iskema, irid iħallas ammont ta’ flus skont it-total tal-ispazju msaqqaf ta’ kull sular tal-propjetà li tkun se tiġi regolarizzata. Pereżempju għal sanzjoni f’appartament ta’ 150 metru kwadru, trid titħallas is-somma ta’ €1,500. Għal regolarizazzjoni ta’ żvilupp illegali f’penthouse ta’ 100 metru kwadru, trid titħallas is-somma ta’ €4,300.

Dwar din l-iskema, is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri ammettiet li idealment, kulħadd jobdi l-liġi, iżda qalet li din l-iskema kienet neċessarja. Is-Segretarju Parlamentari wegħdet li mhux jkun hemm skema simili oħra fil-futur. Żiedet li minn issa ‘il quddiem, kulħadd jaf li għandu jobdi l-liġi, għax inkella jkun hemm infurzar strett.