Sport Waterpolo

Jitilgħu l-poloz tal-Kampjonat tax-Xitwa

Wara l-impenji tat-tim Nazzjonali Malti fil-kampjonati Ewropej, illum ġewwa l-uffiċini tal-ASA, telgħu l-poloz għal kampjonat tax-Xitwa taż-żewġ diviżjonijiet. Iż-żewġ kampjonati se jibdew lejn l-aħħar ta’ Frar u jispiċċaw lejn l-aħħar ta’ April.

Waqt il-konferenza stampa, il-President tal-ASA Joe Caruana Curran rringrazzja lill-media lokali tar-rappurtaġġ waqt il-Kampjonati Ewropej u sostna li bir-riżultati li qed jinkisbu, il-Waterpolo qed isir l-isport prinċipali ta’ pajjiżna b’aktar partitarji u żgħażagħ jersqu lejn il-logħba.

B’kollox se jkunu disgħa t-timijiet li se jikkompetu, sitta fil-kampjonat Premier u tlieta fl-Ewwel Diviżjoni b’Marsaxlokk ikunu l-unika tim li mhux se jieħdu sehem mill-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

It-tim Nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena se jipparteċipa kemm fil-Kampjonat Premier kif ukoll fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni iżda barra mill-kompetizzjoni. Dawn il-logħbiet se jservu ta’ preparazzjoni għal-logħbiet li se jkollhom f’Mejju. Fil-kampjonat Premier, il-plejers se jilagħbu mat-tim Nazzjonali filwaqt li fl-Ewwel Diviżjoni, il-plejers se jilagħbu mat-tim rispettiv tagħhom.

Fil-Kampjonat Premier, it-timijiet kollha se jilagħbu fuq rawnd, bl-aqwa tliet timijiet jgħaddu għal play-off biex jiġi determinat iċ-Champion. Fl-Ewwel Diviżjoni, it-timijiet se jilagħbu fuq bażi ta’ żewġ rawnds.

Il-poloz ttellgħu minn Joe Caruana Curran President tal-ASA u l-Uffiċjal Kap tal-BOV Anthony Scicluna.

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran rringrazzja wkoll lill-klabbs u l-isponsors tal-impenn tagħhom u saħaq li bħala assoċjazzjoni qegħdin jagħmlu minn kollox biex il-Waterpolo ikun l-aqwa sport f’Malta.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, Caruana Curran qal li wara l-prestazzjoni tal-grupp f’Belgrad, l-ASA se tagħti rikonoxximent mistħoqq b’tislima lejn Stevie Camilleri li għamel unur kbir wara li spiċċa bħala l-aqwa skorer fil-Kampjonati Ewropej.

L-ewwel logħbiet huma: Mill-Kampjonat Premier, Exiles Ferretti kontra Valletta McDonalds, Neptunes Grimaldi kontra Sirens Ritter Sport filwaqt li Sliema Frank Salt se jaffrontaw lil San Ġiljan Crystal Finance.

Fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, Marsascala Nutrition Empire se jilagħbu kontra Ta’ Xbiex Amigos filwaqt li t-tim Nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena se jibda kontra Otters Nivea. Iż-żewġ kampjonati mhux se jkollhom waqfien bl-unika varjazzjoni tkun fil-perjodu tal-Għid li fihom il-logħob se jintlagħbu fost il-ġimgħa.

L-ASA bi qbil mal-klabbs, tirriżerva d-dritt li tibdel xi dati u ħinijiet tal-partiti kif ikun meħtieġ. Il-lista uffiċjali tal-logħbiet kollha se jinħarġu dalwaqt mill-ASA.