Lokali

Jitlef ħajtu anzjan li l-Ħadd intlaqat minn vettura fl-Imsida

Anzjan ta’ 70 sena minn Tal-Pietà, li l-Ħadd li għadda ntlaqat minn karozza fi Triq il-Marina fl-Imsida, tilef ħajtu wara li għadda l-aħħar sigħat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.

Fl-inċident, l-anzjan intlaqat mill-karozza, misjuqa minn raġel ta’ 35 sena mill-Furjana. Mal-wasla fl-Isptar, hu kien iċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika. Madankollu, dalgħodu l-Pulizija qalu li l-anzjan tilef ħajtu.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, filwaqt li għadha għaddejja wkoll l-Inkjesta Maġisterjali.