Lokali

Jitqabbad nar f’dar abbandunata f’Bormla

Ħadd ma weġġa’ meta dar abbandunata ngħatat in-nar tard il-Ħadd filgħaxija fi Triq l-Irlandiżi f’Bormla. NETnews.com.mt ġie infurmat bl-inċident ftit wara t-tmienja ta’ filgħaxija.

Fuq il-post issejjħu membri tal-Protezzjoni Ċivili biex jikkontrollaw in-nar. Malli NETnews.com.mt mar fuq il-post, il-pumpiera kienu diġa tfew in-nirien, fejn kienet evidenti l-ħsara estensiva li n-nar ikkawża fil-binja.

Skont informazzjoni miksuba minn dan is-sit, id-dar ilha għal dawn l-aħħar tmien snin vojta mir-residenti. Sa’ jumejn ilu, f’dar biswit dik li ħadet in-nar, kien qed jinżamm poni.

Għalkemm għad mhux magħruf x’wassal għan-nar, mhux eskluż li dan seta’ tqabbad għal tal-apposta minn xi persuni mhux magħrufa. Filfatt, ġirien li jgħixu fl-inħawi ilmentaw dwar in-numru kbir ta’ inċidenti li qed iseħħu fiż-żona, fejn jitqabbdu diversi nirien minn żmien għal żmien.

Intant, hu mistenni li l-Pulizija jinvestigaw il-każ.

NAR BORMLA 2