Lokali

Jitressqu mozzjoni u emenda Kostituzzjonali biex iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali

F’isem il-Partit Nazzjonalista, l-Whip tal-Grupp Parlamentari u Kelliem għall-Gvern Lokali, ż-Żgħażagħ u l-Isport David Agius, flimkien mad-Deputat Marlene Farrugia, dalgħodu ppreżentaw mozzjoni parlamentari u emenda għall-Kostituzzjoni ta’ Malta, biex, b’mod immedjat, iż-żgħażagħ li jkollhom 16-il sena jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali.

Dan il-pass huwa wieħed bla preċedent u qed isir mill-Oppożizzjoni, wara dikjarazzjoni ċara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li nhar it-Tlieta li għadda, waqt il-Mass Meeting tal-Indipendenza, qal li se jkun qed jara li żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali.

Fil-kummenti tiegħu lill-media, David Agius sostna li hu l-Partit Nazzjonalista li verament jemmen fiż-żgħażagħ, mhux biss bid-diskors iżda b’azzjonijiet konkreti.

“Minn naħa l-oħra, għandna Partit Laburista li, bil-provi, ma jemminx u ma jridx liż-żgħażagħ ikollom id-dritt li jsemmgħu leħinhom,” qal David Agius. Fuq l-istess linja d-Deputat Marlene Farrugia qalet li hi kienet eletta mal-moviment laburista li kien qal li hu favur vot ta 16. Marlene Farrugia saħqet li hi temmen ukoll li ż-żgħażagħ ta’ sittax jistgħu jivvutaw f’elezzjoni Ġenerali.

Hu qal li l-ewwel, minkejja li kif kien obbligat li jagħmel, ta l-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, spiċċa biex ħassar l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tas-sena d-dieħla u allura, dawn iż-żgħażagħ mhux se jkollhom iċ-ċans li jivvutaw.

“Issa, kien biss wara d-dikjarazzjoni ċara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li lbieraħ filgħaxija, meta Muscat sar jaf li se titressaq din ilmozzjoni, b’paniku kbir, il-Gvern beda jgħid – lill-media tiegħu, jiġifieri TVM, ONE u l-Orizzont, li fil-budget li ġej – jiġifieri x-xahar id-dieħel – se jkun qed jikkonsidra li jagħmel studju dwar din il-possibilità. Dan filwaqt li ġab skuża li ma għandux il-mandat elettorali biex idaħħal dan id-dritt,” qal David Agius.

David Agius fakkar li hemm ħafna affarijiet li l-Partit Laburista ma kellux l-mandat li jagħmilhom, fosthom il-bejgħ taċ-ċittadinanza, li l-ogħla uffiċjali ta’ Kastilja jiftħu kumpaniji sigrieti fil-Panama, li jħammeġ isem pajjiżna mad-dinja kollha fost l-oħrajn.

David Agius temm jgħid li filwaqt li Joseph Muscat jiġi jaqa’ u jqum iż-żgħażagħ,
għax moħħu biss fil-kumpaniji sigrieti fil-Panama, Simon Busuttil, bl-azzjoni, qed juri li għandu fiduċja assoluta fiż-żgħażagħ tant li qed jagħtihom id-dritt li jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.