Lokali

Jiżdiedu l-inċidenti u l-ġlidiet f’Paceville – Libjani involuti f’reati kriminali ġejjin mill-klan leali lejn Gaddafi

Rapport : Joe Mikallef – joe.mikallef@netmedia.com.mt

Il-mument illum qed tiżvela li ċ-ċittadini Libjani li kienu invluti fl-aħħar żewġ inċidenti serji f’Paceville ġejjin mill-klan leali lejn l-eks dittatur Muammar Gaddafi.

F’pajjiżna fl-aħħar xhur żdiedu qatigħ il-Libjani wara li l-awtoritajiet konċernati ħarġulhom permess għar-residenza f’Malta. Dawn il-Libjani mhux biss qed jgħixu f’Malta, imma li wħud minnhom daħħlu f’pajjiżna ammonti konsiderevoli ta’ flus, fejn hemm ukoll dubji serji dwar l-oriġini ta’ dawn il-flejjes kollha.

Il-pulizija li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li qed tiżviluppa sitwazzjoni fejn il-Libjani li ta’ spiss qed ikunu involuti fi ġlidiet, diversi drabi pprovokati mill-istess Libjani, wara li jkunu għamlu ħin twil jixorbu l-alkoħol fi stabbilimenti partikolari f’Paceville. L-istess sorsi fissru li dawn il-Libjani jaħsbu li ħadd ma jista’ għalihom u għalhekk jistgħu jdejqu u jittantaw lil min iridu. Huma qalu wkoll li dawn il-Libjani għad għandhom l-arja ta’ żmien l-eks dittatur Muammar Gaddafi.

Żewġ inċidenti riċenti… wieħed minnhom fatali

Fl-aħħar jiem kienu rappurtati uffiċjalment xejn inqas minn żewġ inċidenti serji ħafna bl-involviment ta’ Libjani.

L-ewwel kien il-każ meta żewġ Libjani attakkaw student Kolumbjan, faqgħulu tazza f’wiċċu u tawh xebgħa li oriġinarjament bdiet fi stabbiliment tad-divertiment u kompliet fit-triq. Dan kollu għaliex il-Kolumbjan kien fil-kumpanija ta’ tfajla u l-Libjani bdew jittantaw lil din it-tfajla sakemm is-sitwazzjoni eskalat sal-punt li dan l-istudent Kolumbjan – li kien qiegħed Malta biex isegwi kors fil-lingwa Ingliża fl-iskola Club Class ġewwa s-Swieqi – spiċċa tilef ħajtu aktar tard fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei. B’rabta ma’ dan il-każ kienu arrestati Ahmed Rasem Franko u Zyad Mohammed Drebeka ta’ 29 u 23 sena rispettivament wara li nqabdu maħruba f’San Lawrenz Għawdex.

Ahmed Rasem Franko u Zyad Mohammed Drebeka: Imfittxija mill-Pulizija

Sadattant aktar kmieni din il-ġimgħa kienet irrapportat ġlieda oħra serja ħafna li fiha saħansitra ntużaw ukoll xwabel tas-Samuraj. F’dan l-inċident partikulari l-Libjani aggredew tliet bouncers Maltin bl-istess xwabel Samuraj. Dan l-inċident seħħ fi Triq San Ġorġ f’Paceville, iżda l-arrest tal-Libjani sar aktar tard f’San Ġwann u fis-Swieqi. B’rabta ma’ dan il-każ, żewġ Libjani – Ramzi Abdulhafid u Ibrahim ben Jeddi ta’ 34 sena – tressqu l-Qorti nhar il-Ħamis li għadda akkużati b’attentat ta’ qtil ta’ tliet bouncers.

Sitwazzjoni bla kontroll f’Paceville

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li tkellmu ma’ il-mument qalu li l-Pulizija qed ikollhom diffikultajiet serji ħafna biex jiffaċċjaw l-inċidenti u l-ġlidiet kontinwi ġewwa Paceville. Minkejja li l-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan jagħmlu rondi kontinwi f’Paceville u jagħmlu li jistgħu biex jikkontrollaw il-buon ordni, madankollu dawn ma humiex armati kif suppost biex jeħduha kontra l-kriminalità li qed tkompli tiżviluppa f’Paceville.

Tħassib li l-kriminalità se tiżdied fis-sajf

Il-biża’ hu li aktar ma jidħol is-sajf aktar se tkompli tiżdied il-popolazzjoni f’Paceville u r-rata ta’ kriminalità se tkompli tikber b’mod allarmanti. Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li f’Paceville qed tkun osservata żieda ta’ persuni u żgħażagħ li fil-pussess tagħhom ikollhom sikkina jew mus.

Diġà filgħaxijiet volum ta’ żgħażagħ qegħdin jiffrekwentaw ħafna l-Bajja ta’ San Ġorġ minbarra postijiet oħra tad-divertiment f’Paceville. Sadattant il-preżenza tal-Pulizija hi waħda tassew limitata u, fuq kollox, il-Pulizija li qegħdin ikunu xogħol f’Paceville mhux qed ikunu armati u protetti tajjeb.

Fenomenu li jidher li kien hemm min antiċipah u li qiegħed kulma jmur isir aktar preokkupanti hu dak li jirrigwarda persuni Libjani li qed jiffrekwentaw Paceville, jixorbu bl-addoċċ u finalment jispiċċaw bħala protagonisti f’diversi ġlidiet.