Lokali

Joe Mizzi huwa sfiduċjat anke minn Joseph Muscat

Il-falliment fit-trasport pubbliku huwa wieħed mir-raġunijiet għat-traffiku ma jaqta’ qatt fit-toroq Maltin u Għawdxin. Ta’ dan kollu, Joe Mizzi huwa responsabbli u għandu jerfa’ r-responsabbilta’ politika.

Il-Partit Nazzjonalista f’isem ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli saħaq li filwaqt li t-traffiku ma twelidx ma’ Gvern Laburista, fl-aħħar xhur, is-sitwazzjoni fit-toroq Maltin marret għall-agħar, tant li llum-il ġurnata, xufiera qed jagħmlu aktar minn siegħa mwaħħlin fit-toroq Maltin biex imorru minn post għall-ieħor.

Fil-kampanja elettorali qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, Joseph Muscat kien qal hekk: “Hemm pjan ċar ħafna dwar il-managament tat-traffiku f’dan il-pajjiż, li jinkludi wkoll it-trasport pubbliku.” Huwa ċar li Muscat, dakinhar daħaq mhux biss biż-żgħażagħ li kellu quddiemu, iżda anke bil-poplu Malti u Għawdxi, għaliex falla kemm fit-trasport pubbliku kif ukoll fl-immaniġġjar tat-traffiku.

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista kkonkluda li Joseph Muscat, mhux talli falla fl-immaniġġjar tat-traffiku, iżda talli issa qed iwaħħal ukoll fil-poplu Malti u Għawdxi, u jġib skuża li ma jridx iraħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel biex il-Maltin ma jsuqux aktar. Dan hu argument inġust, għaliex għall-inkompetenza tal-Gvern qed iħallas il-poplu Malti u Għawdxi. Il-prezz tal-petrol u d-diesel għandu jorħos immedjatament biex jirrifletti l-prezz internazzjonali taż-żejt, kif ġara f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

Fid-dibattitu Parlamentari li sar nhar it-Tlieta ħareġ biċ-ċar li issa, Joe Mizzi, mhux biss huwa sfiduċjat mill-Oppożizzjoni, iżda anke mill-Prim Ministru.