Lokali

John Pisani jiżżufjetta b’suldati li lmentaw dwar l-ikel matul iċ-CHOGM

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fil-Ministeru tal-Intern John Pisani iżżufjetta b’suldati li ressqu lment dwar il-kwalità tal-ikel li ngħataw meta kienu xogħol waqt iċ-CHOGM.

John Pisani, eks cameraman ma’ Xandir Malta u mal-media Laburista, li ħadem ukoll bħala reporter mal-gazzetti mal-GWU u mal-Maltatoday, kien qed jirreaġixxi għal rapport f’The Malta Independent, li fih numru ta’ suldati lmentaw dwar l-ikel fqir li ngħataw filgħodu, kif ukoll is-sandwich xott u l-ikla bla togħma li ngħataw filgħaxija.

Fil-ħidma tiegħu bħala reporter, Pisani kien magħruf għall-kitba kontinwa tiegħu dwar il-Korp tal-Pulizija u s-Suldati fi żmien Gvern Nazzjonalista. Madankollu, issa John Pisani għamel il-kumment tiegħu fuq Facebook, fejn sostna li kieku kien il-Brigadier tal-Forzi Armati kien jipprova jidentifika lis-suldati li ressqu l-ilment.

B’hekk, sostna Pisani, meta s-suldati Maltin imorru għall-gwerra, dawn jitħallew Malta biex ommijiethom jippreparawlhom toast bil-bacon u l-bajd. Kompla li dan filwaqt li s-suldati rġiel u nisa ta’ vera jintbagħtu għall-gwerra u mhux jintbagħtu t-tfal.

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fil-Ministeru tal-Intern kompla li dawn is-suldati li lmentaw jaħsbu li billi jilbsu l-Uniformi, saru ‘machos’.