Lokali Unjoni Ewropea

Joseph Cuschieri issa għal Ambaxxatur ta’ Malta fil-Greċja

L-eks Membru Parlamentari u eks Membru Parlamentari Ewropew Laburista Joseph Cuschieri ġie magħżul minn Kastilja biex jitpoġġa bħala Ambaxxatur fil-Greċja. Issa, Cuschieri qed jistenna biss l-approvazzjoni min-naħa tal-Kabinett. Din l-aħbar ġiet żvelata fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal The Times of Malta. Joseph Cuschieri, li għandu 47 sena, qatt ma kellu esperjenza diplomatika.

Barra minhekk, meta fl-2011 il-Greċja kienet qed titlob l-bailout mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, l-istess Joseph Cuschieri kien qal li Malta m’għandhiex tapprova din l-għajnuna jekk ma taqbilx li pajjiżna jingħata s-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew. Dan meta kien Cuschieri stess li kien se jgawdi mis-sitt siġġu.

Fl-2008 hu kien ċeda postu fil-Parlament Malti biex ġie co-opted Joseph Muscat. Ta’ dan, il-Partit Laburista rringrazzjah billi għenu mhux ftit jiġi elett fil-Parlament Ewropew mill-elezzjoni li saret sena wara. Bejn l-2011 u l-2014 hu kien ukoll imexxi d-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew.

Madankollu, ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni tal-2014 biex jiġu eletti l-Maltin fil-Parlament Ewropew, waqt programm televiżiv, Joseph Cuschieri kien qal li l-Partit Laburista qed jagħżel lil min jimbotta għal dik l-elezzjoni. Għaldaqstant, hu kien ħabbar li ma kienx se jitfa’ n-nomina. Iżda fl-aħħar ħinijiet, qabel ma għalaq il-ħin għat-tfigħ tan-nomini, Joseph Cuschieri kien għamel u-turn u ħabbar li kien se jitfa’ n-nomina.

Dakinhar, mistoqsi mill-ġurnalisti, b’mod skomdu Joseph Cuschieri kien qal biss li kellu laqgħat mal-Mexxej Laburista Joseph Muscat, li kien ikkonvinċieh jitfa’ n-nomina. Minkejja dan kollu, fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew tal-2014, Joseph Cuschieri ma kienx ġie elett u b’hekk ingħata impjieg fil-Partit Laburista sakemm issa se jintbagħat bħala Ambaxxatur ta’ Malta fil-Greċja.