Lokali

Joseph Muscat u Owen Bonnici għandhom jerfgħu r-responsabbiltà politika għall-ksur tal-Kostituzzjoni

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici għandhom jerfgħu r-responsabbiltà politika għall-intenzjoni qarrieqa tagħhom li ppruvaw jiksru l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Dak li ġara fl-aħħar jiem hu bla preċedent, fejn il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja ippruvaw jiksru intenzjonalment il-Kostituzzjoni, tant li kienu se jibqgħu għaddejjin bħall-gaffa li kieku ma ntervjeniex il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Dan qalu x-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qrati ta’ Malta. Hu sostna wkoll li dawn il-ħatriet huma l-agħar forma ta’ nepotiżmu tal-Gvern ta’ Muscat għax meta wieħed janalizza ż-żewġ nomini, ma jistgħux ma jiġux dubji dwar l-intenzjonijiet tan-nominazzjonijiet, bl-Avukat Caroline Farrugia Frendo hi bint l-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Anġlu Farrugia.

Min-naħa tiegħu, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Matthew Paris qal li ladarba issa anke l-President ta’ Malta kkonfermat li mhix se tmexxi bil-ħatriet għalissa, ladarba m’humiex konformi mal-Kostituzzjoni, il-Prim Ministru għandu jirtira ż-żewġ nomini b’mod immedjat. Hu rrefera għal dak li qal id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta Kevin Aquilina, fejn iddeskriva d-deċiżjoni tal-Gvern b’dawn in-nomini bħala “double gaffe”.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kandidata għall-elezzjoni ġenerali Roselyn Borg, li sostniet li hu ta’ tħassib serju li f’pajjiżna għandna Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja li, b’mod intenzjonali, jiksru l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Sostniet li l-ewwel ħsieb ta’ kull politiku għandu jkun ta’ kif jassigura li kull deċiżjoni li tittieħed fil-pajjiż tħares il-Kostituzzjoni f’kull livell possibli. Madankollu, din hi xi ħaġa li f’dan il-każ żgur li ma saritx.