Internazzjonali

Juncker jitkellem dwar ‘tfixkil għall-viżjoni Ewropea’

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal li l-Unjoni Ewropea ta’ 28 Stat jonqosha ‘viżjoni Ewropea koerenti’ u li wħud mill-membri qed ipoġġu l-interessi tagħhom qabel il-ħtiġiet ta’ dan il-grupp ta’ pajjiżi.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha d-dmir li tressaq il-liġijiet tal-UE u Juncker, illum, sostna li ‘jeżistu wisq każi ta’ Ewropej li qed jaqdu dan ir-rwol fuq bażi part time’. L-eks-Prim Ministru tal-Lussemburgu u mexxejja oħra tal-UE kienu qed jitkellmu f’Ruma waqt dibattitu fuq l-istat tal-Unjoni Ewropea u fejn Juncker sostna li ‘spiċċaw is-sentimenti antiki favur tfassil ta’ politika għall-Ewropa fuq bażi komuni’.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, qal, intant, li l-UE għandha tinsisti bil-prijorità li tkattar is-sigurtà mal-fruntieri esterni, fl-isfond tal-kriżi tal-immigranti attwali.

Filwaqt li Tusk issuġġerixxa li ma hemm l-ebda punt li wieħed jinsisti bl-idea ta’ ‘Stat tal-UE uniku’, politiċi favur l-Unjoni Ewropea jinsistu li l-kriżi finanzjarja tal-2008, il-kriżi tal-immigranti attwali u t-theddid lill-ambjent kollha jindikaw il-ħtieġa ta’ azzjoni konġunta ‘mill-Ewropa’.

Il-Kummissjoni Ewropea qed issibha diffiċli biex twassal għal ftehim fost il-Gvernijiet tal-UE rigward skema effettiva għad-distribuzzjoni ta’ immigranti madwar l-Ewropa, ħalli tonqos il-pressjoni fuq il-Greċja u l-Italja. Dan meta erba’ stati – l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u s-Slovakkja – joġġezzjonaw għal sistema ta’ kwoti obbligatorji biex huma jaċċettaw numru ffissat ta’ immigranti.

Kien f’dan il-kuntest li Juncker qal li ‘jeżistu l-Ewropej fuq bażi full-time f’sitwazzjonijiet fejn jingħataw xi ħaġa u part-timers fil-każi fejn ikollhom iċedu xi ftit’.

Id-dibattitu ta’ Ruma sar fi żmien meta r-Renju Unit qed iħejji għar-referendum storiku tat-23 ta’ Ġunju dwar jekk jibqax jifforma parti mill-UE.