Għawdex Lokali

“Kampanja kollha gideb biex ittappan il-ħidma b’risq in-Nadurin kollha” – Is-Sindku tan-Nadur Edward Said

“Il-kampanja qalilha li qed jagħmel il-Partit Laburista fil-konfront tiegħi u tal-eks Sindku tan-Nadur – kollha gideb u affarijiet ivvintati – hija intiża biss biex ittappan il-ħidma li saret, qed issir u baqala’ ssir b’risq ir-residenti kollha tan-Nadur”, hekk stqarr is-Sindku tan-Nadur Edward Said.

Hu kompla li fil-15-il xahar li ilu Sindku, ħadem bla waqfien fuq proġetti u inizjattivi differenti li minnhom gawda n-Nadur kollu. Hu stqarr li l-ħidma tiegħu bħala Sindku mhux talli mhix diskriminatorja, iżda talli hija waħda inklussiva.

Edward Said, fl-istqarrija tiegħu qal li f’din il-leġislatura ra li jtejjeb il-livell ta’ kull inizjattiva li bdiet minn Kunsilli preċedenti, jagħmlu pjan serju ta’ kif għandu jimxi l-istess Kunsill fis-snin li ġejjin, lestew il-proġett ġdid tal-Pjazza ewlenija fir-raħal, u fetħu l-bibien beraħ għal kull persuna li trid taħdem u tinvolvi ruħha.

“Eżempju ċar tal-indipendenza fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali huwa l-fatt li kull darba li kien hemm xi qarib jew qariba tiegħi li pparteċipat f’tender maħruġ mill-Kunsill Lokali, f’ġieħ it-trasparenza u l-governanza tajba, jiena dejjem ħriġt ‘il barra mill-laqgħa tal-Kunsill Lokali sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tender partikolari. Nirrepeti li qatt ma ħadt sehem f’deċiżjoni tal-Kunsill Lokali tan-Nadur li kienet tinvolvi xi ħadd qarib tiegħi”, stqarr Edward Said.

Is-Sindku tan-Nadur appella lill-Partit Laburista biex flok ikompli jigdeb u jħammeġ ix-xogħol siewi li qed isir fin-Nadur, jagħti l-kontribut tiegħu biex in-Nadur ikompli jissaħħaħ mhux biss fl-interess tan-Nadurin, iżda fl-interess ta’ kull Għawdxi u Għawdxija.