Internazzjonali

Kampanja ta’ informazzjoni intensiva kontra z-Zika fil-Brażil

L-awtoritajiet fil-Brażil qed jistazzjonaw ‘il fuq minn 220,000 suldat madwar il-pajjiż biex iwissu lin-nies dwar is-sogri u l-periklu tal-virus taz-Zika.

Fil-preżent il-Brażil qed jikkumbatti epidemija tal-virus li fost oħrajn jikkaġuna t-twelid tat-trabi bil-moħħ mhux żviluppat u li f’okkażjonijiet iwassal ukoll għall-mewt.

It-truppi fil-Brażil se jqassmu miljuni ta’ fuljetti b’informazzjoni dwar il-virus li jinġarr min-nemus u li jista’ jkun trasmess ukoll minn kuntatt sesswali.

L-eżerċizzju hu maħsub biex jistimola l-moral għalkemm il-kritiċi qalu li dan il-pass mhux se jgħin għat-tnaqqis tan-nemus jew għall-kontroll tal-firxa tal-virus.

It-tħassib dwar iz-Zika anki qed ikompli jikber peress li l-Brażil qed iħejji biex jorganizza l-Olimpjadi tas-sajf li ġej.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat emerġenza globali fil-qasam tas-saħħa pubblika minħabba l-konnessjoni potenzjali bejn iz-Zika u l-kundizzjoni magħrufa bħala microcephaly li twassal għat-twelid tat-trabi b’ras żgħira abnormali.

Filwaqt li r-rabta maz-Zika għadha mhix ikkonfermata, il-WHO u entitajiet oħrajn tas-saħħa għandhom suspetti kbar li dan huwa l-każ.

Ħafna mill-inċidenzi tal-microcephaly kienu rreġistrati fl-inħawi tal-Grigal tal-Brażil iżda l-epidemija taz-Zika affettwat lin-nies f’aktar minn 20 pajjiż fir-reġjun tal-Americas waqt li qegħdin ifeġġu wkoll il-każi fl-Ewropa.