Internazzjonali

Kapijiet tal-Boko Haram ‘jinqatlu mill-qawwiet tan-Niġerja’

L-Armata tan-Niġerja qalet li irnexxielha toqtol diversi kapijiet ewlenin tal-Boko Haram u li l-Mexxej Suprem tal-grupp Iżlamiku terroristiku, Abubakar Shekau, spiċċa midrub b’mod gravi.

Kelliema għall-Armata qalu li l-attakk mill-qawwiet tal-ajru li qered il-kapijiet tal-Boko Haram kien dirett għal fuq zona fl-Istat ta’ Borno, lejn il-Grigal tan-Niġerja. Intant, baqgħet ma daħlitx konferma dwar l-attakk inkwistjoni mingħand sorsi indipendenti.

L-Armata Niġerjana, fil-passat, stqarret kemm-il darba li kien irnexxielha toqtol lil Shekau, b’dawn ir-rapporti dejjem jinzertaw foloz. Għaldaqstant, il-korrispondenti għall-Afrika qed jgħidu li l-aħħar rapporti li l-Mexxej tal-Boko Haram ‘jinsab midrub serjament’ iridu jittieħdu b’sens ta’ kawtela sakemm joħorġu id-dettalji konkreti.

L-aħbar mill-Armata ħarġet fl-istess żmien tal-wasla tas-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry li kien qed jibda żjara ta’ jumejn fin-Niġerja.

Il-Boko Haram qed jiġġieled biex iwaqqa’ l-Gvern Niġerjan attwali u jwaqqaf Stat Iżlamiku fit-Tramuntana tan-Niġerja.