Lokali

Karmenu Vella mitlub iċedi biċċa mill-portafoll

Il-Kummissarju Ewropew Malti Karmenu Vella ġie mitlub iċedi parti mill-portafoll tiegħu biex jingħata lil Julian King, il-Kummissarju Ewropew il-ġdid tar-Renju Unit.

Skont il-portal “Politico”, Karmenu Vella hu wieħed minn tliet Kummissarji Ewropej li ġew avviċinati miċ-Chief of Staff tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, bit-tnejn l-oħra huma l-Pollakka Elizabeta Bienkowska u l-Ispanjol Miguel Arias Canete.

King, li jokkupa l-kariga ta’ Ambaxxatur tar-Renju Unit għal Franza, se jieħu post Jonathan Hill, li rriżenja minn Kummissarju Ewropew ftit wara r-riżultat tar-Referendum li fih il-maġġoranza tal-Britanniċi vvutaw li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu, Hill kien responsabbli mis-Servizzi Finanzjarji, iżda dan il-portafoll diġà ngħata lil Kummissarji oħrajn.

Skont Politico, it-tliet Kummissarji Ewropej kienu avviċinati għax f’wieħed mill-aħħar atti tiegħu bħala Prim Ministru tar-Renju Unit, David Cameron talab li King jingħata responsabbiltajiet marbuta mal-Ambjent, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet ta’ Vella, Canete u Biankowska.

Filwaqt li David Cameron kien irrifjuta l-possibbiltà li l-Kummissarju Ewropew mir-Renju Unit ikun mingħajr portafoll, jidher li numru ta’ pajjiżi qed jopponu li dan il-pajjiż ikollu l-portafoll tal-Ambjent b’poteri leġislattivi.

Il-portafolli tal-Kummissarji Ewropej huma responsabbiltà tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, li mbagħad jitressqu għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Kelliem għall-Kummissjoni qal li Juncker mistenni jieħu deċiżjoni dwar il-portafoll ta’ Julian King sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.