Lokali

“Karnival ta’ ħatriet” – l-Editorjal ta’ The Malta Independent

“Karnival ta’ ħatriet … ħatriet li ma jwasslu għal imkien … deċiżjonijiet stupidi li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu biex il-Gvern ikisser lilu nnifsu”. Dan hu fil-qosor dak li jgħid l-Editorjal fil-ħarġa tal-lum ta’ The Malta Independent, li jgħid li l-pajjiż sar suq b’ħatriet għall-bejgħ lil dawk qrib xi Ministru jew xi ‘canvasser’ ta’ xi ħadd qrib il-Gvern.

Il-ġurnal ikompli li, fejn qabel kienet in-norma li jkun hemm proċess trasparenti ta’ ħatriet, issa dik saret l-eċċezzjoni u l-ħatriet qed jingħataw lil dawk qrib xi Ministru bil-kundizzjoni li jimlew il-kariga, jisktu u jobdu. Hu għalhekk li qed isiru ħafna żbalji minn din l-amministrazzjoni, b’ħatriet li qed isiru mhux skont il-kapaċità u bla pjan.

Fl-Editorjal saret ukoll referenza għall-mod kif inħatru ż-żewġ Maġistrati. F’dan il-każ, kien evidenti li waħda minnhom lanqas biss kellha tinbet l-idea li ssir, bl-Editorjal isostni li min ħa d-deċiżjoni ma jafx il-Liġi jew kien hemm min beża’ jitkellem u jgħid dak li kien se jsir ħażin. U dawn l-iżbalji kollha qed iwasslu biex juri li dan il-Gvern qed isir Gvern inkompetenti.

Sadanittant, isostni l-Editorjal, qed tkompli tikber il-lista ta’ nies li qed jippretendu li jingħataw rigal mill-Gvern Laburista. Din il-lista se tkompli tikber u għalhekk se jkun hemm ħafna li se jibqgħu jittamaw, bit-tama eventwalment tinbidel f’rabja u disperazzjoni.