Lokali

Kastilja bejta ta’ korruzzjoni bl-iskandlu tal-korruzzjoni fil-ħruġ tal-visas mediċi

L-iskandlu tal-visas mediċi hu skandlu ieħor ħiereġ minn Kastilja u minn nies ta’ fiduċja tal-Prim Ministru. Il-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli ħniżrijiet bħal dawn jibqgħu għaddejjin qisu xejn mhu xejn għax ma nistgħux nibqgħu mmexxijin b’dan il-mod, fejn Kastilja saret bejta ta’ korruzzjoni.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet, li kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg.

Wara l-konverżazzjonijiet żvelati lbieraħ minn The Malta Independent, Beppe Fenech Adami qal li issa hu ċar li l-investigazzjoni li l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li għamel dwar din l-allegata korruzzjoni kienet biss intenzjonata biex jiġu protetti l-ogħla Uffiċjali ta’ Kastilja. Għalhekk, il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jerġa’ jiftaħ l-investigazzjoni b’mod immedjat u jressaq lil dawk kollha involuti l-Qorti.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li min-naħa l-oħra, l-Avukat Ġenerali għandu jassigura b’mod immedjat li l-‘whistleblower’ jingħata l-protezzjoni legali kollha ħalli dan jagħti d-dettalji kollha ta’ din il-korruzzjoni, li tinvolvi l-eluf ta’ ewro, minflok ma jiġi ppersegwitat mill-Gvern għax kixef każ ta’ korruzzjoni li tmiss lil Kastilja.

Beppe Fenech Adami fakkar kif, kemm ilu li Joseph Muscat sar Prim Ministru, l-ammont ta’ visas mediċi li nħarġu sploda ‘l fuq mingħajr l-ebda raġuni valida. Dan mill-ewwel qajjem suspetti, tant li sena ilu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil elenka dawn is-suspetti fil-Kumitat dwar is-Servizzi tas-Sigurtà. Barra minhekk, diversi Membri tal-Oppożizzjoni ilhom għal din l-aħħar sena jagħmlu Mistoqsijiet Parlamentari dwar dan is-suġġett.

Hu kompla li Muscat, Schembri, Mizzi u Gafa’ huma ħaġa waħda, tant li ilhom ħaġa waħda minn qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. F’Kastilja mbagħad, fl-aħħar tliet snin seħħew l-iskandli kbar kollha ta’ din il-leġiżlatura: tal-Panama, tal-Visas Mediċi u Permessi ta’ Residenza lil Libjani, tal-Cafe’ Premier, ta’ Gaffarena, u anke tal-ħruġ tal-Visas lill-Alġerini.

Min-naħa tagħha, Claudette Buttigieg qalet li l-aktar ħaġa ta’ diżappunt u ta’ inkwiet hu l-fatt li din il-korruzzjoni saret a spejjeż ta’ pazjenti u l-qraba tagħhom. Hi qalet li għandna sitwazzjoni fejn il-klikka ta’ Kastilja mhux talli qed jiffangaw, talli qed jużaw nies vulnerabbli biex jagħmlu l-flus minn fuq darhom waqt li jkunu qed ifittxu kura medika f’pajjiżna.

Dawn huma atti illegali u anke inumani, aktar u aktar meta jsiru bil-kompliċità jew bil-barka ta’ Kastilja, qalet ix-Shadow Minister, li fakkret kif ir-responsabbiltà taqa’ wkoll fuq il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li bis-silenzju tiegħu qed jagħti x’jifhem li meta kien Segretarju Parlamentari, kien jaf b’dak kollu li qed iseħħ.

Claudette Buttigieg qalet li dan l-iskandlu mhux biss wieħed ta’ korruzzjoni, iżda wkoll li jpoġġi riskji kbar fuq is-sigurtà ta’ pajjiżna għax ħadd ma jaf min huma dawn il-Libjani li ddaħħlu Malta permezz ta’ din ir-‘racket’.